Raġel tilef ħajtu fl-isptar ftit wara li waqa’ taraġ waqt argument li seħħ fi stabbiliment f’ San Pawl il-Baħar.
Kien għall-ħabta tas-6:00am meta l-Pulizija ġiet infurmata li kien hemm bżonn l-għajnuna tagħha fi Triq it-Turisti.
Sakemm waslu fuq il-post, il-pulizija ġew infurmata li raġel laħaq iddaħħal Mater Dei u li kien jinsab fil-periklu tal-mewt.
Ir-raġel, li għandu 60 sena, miet ftit wara.
Kien hawn li l-Pulizija sabet li l-vittma kien involut f’argument waqt li kien ġo l-istabbiliment u b’konsegwenza ta’ hekk waqa’ t-taraġ.
Dwar dan il-każ, il-Pulizija qed tkellem persuna sabiex jgħinha fl-istħarriġ li bħalissa qed jiġi trattat bħala omiċidiju.
Il-Magistrat tal-Għassa Astrid May Grima qiegħda tmexxi inkjesta filwaqt li l- investigazzjonijiet tal-Pulizija tad-Dipartiment tar-Reati Maġġuri u tad-Distrett tal-Qawra għadhom għaddejjin.