Raġel jinsab fil-periklu tal-mewt wara argument ma’ żewġ persuni oħra li seħħ ilbieraħ fl-Għasri.
Il-każ seħħ għall-ħabta tal-għaxra u nofs ta’ filgħaxija fi Triq l-Għammar.
Mill-ewwel investigazzjoni jidher li r-raġel ta’ 46 sena, residenti l-Għasri stess, kien involut f’argument ma’ żewġ persuni oħra, żagħżugħ ta’ 25 sena u raġel ta’ 56 sena, it-tnejn mill-Għasri wkoll.
Dawn tal-aħħar kienu arrestati matul il-lejl u ttieħdu wkoll l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex għax anke huma sofrew minn xi ġrieħi ħfief.
Intant, ir-raġel ta’ 46 sena, ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi serji.
Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa li ħatret inkjesta.
Il-Pulizija għadha qed tinvestiga dan il-każ.