Żewġ irġiel l-isptar wara inċident fi Triq Louis Wettinger il-Mellieħa

Fuq il-post issejjaħ tim mediku u ambulanzi ħadu liż-żewġt irġiel l-Isptar Mater Dei sabiex jingħataw l-kura meħtieġa

Dalgħodu qabel 7:00.a.m, il-Pulizija ġiet infurmata li kien għadu kemm seħħ inċident fi Triq Louis Wettinger, il-Mellieħa.

Il-Pulizija marru minnufih fuq il-post, fejn minn stħarriġ preliminari rriżulta li waqt li raġel ta’ 22 sena residenti ż-Żejtun kien qed isuq vann tat-tip Isuzu NKR, ħabat ġo vann ieħor tat-tip Iveco Eurocargo li kien wieqaf mal-ġenb tat-triq. Jidher ukoll li waqt l-impatt raġel ta' 47 sena residenti l-Imdina intlaqat mill-vettura.

Fuq il-post issejjaħ tim mediku u ambulanzi ħadu liż-żewġt irġiel l-Isptar Mater Dei sabiex jingħataw l-kura meħtieġa. Aktar tard, ix-xufier tal-vann ġie ċċertifikat li qiegħed isofri minn ġrieħi ħfief filwaqt li l-ieħor ġie ċċertifikat li qiegħed isofri minn ġrieħi gravi.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija ghadhom għaddejjin.

More in Kronaka