Żagħżugħ akkużat li stupra anzjan u anzjana fit-triq fil-Ħamrun
Il-każi mhumiex relatati u l-anzjan u l-anzjana ġew allegatament attakkati ftit ħin wara xulxin
More in Kronaka
Il-każi mhumiex relatati u l-anzjan u l-anzjana ġew allegatament attakkati ftit ħin wara xulxin
Żagħżugħ ta’ 21 sena nżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti akkużat li stupra anzjan u anzjana, ftit ħin wara xulxin, fil-Ħamrun.
Iż-żagħżugħ, mis-Somalja, tressaq il-Qorti dalgħodu u kien akkużat bl-istupru taż-żewġ anzjani, li huma t-tnejn Maltin, li żamm lill-vittmi kontra r-rieda tagħhom u li kkawżalhom ġrieħi ħfief.
Kien akkużat ukoll li seraq il-mowbajl ta’ wieħed mill-vittmi.
Huwa wieġeb mhux ħati tal-akkużi.
L-Ispettur Joseph Busuttil, li qed imexxi l-prosekuzzjoni, qal li kien għall-ħabta tas-2am, meta l-Pulizija marru jiġru fuq il-post wara li daħal rapport ta’ kommossjoni fi triq.
Malli waslu l-Pulizija sabu anzjana li kellha l-qalziet ta’ taħt imniżżel u l-akkużat li kien qed jaħrab minn fuq il-post.
L-anzjana li kienet fi stat ta’ xokk, qalet lill-Pulizija dak li l-akkużat għamlilha, fosthom kif uża idejh biex stupraha.
Sakemm il-Pulizija kienet qed tkellem lill-mara, waqqfet ambulanza b’pazjent anzjan fiha. Anke hu kellu esperjenza simili ftit tal-ħin qabel.
L-anzjan kien miexi quddiem il-Knisja ta’ San Gejtanu meta l-akkużat allegatament resaq lejh, seraqlu l-mowbajl, niżżillu l-qalziet u wkoll uża idejh biex stuprah.
L-avukat li qed jidher għall-akkużat ma talabx għall-ħelsien mill-arrest. Talab biss li jsir assessjar psikoloġiku u psikatriku fuq l-akkużat.
Il-Qorti ordnat lid-Direttur tal-ħabs biex jieħu ħsieb li jsir dan l-assessjar filwaqt li ordnat li l-akkużat jinżamm arrestat.