Aġġornata | Jitressaq il-Qorti akkużat b'omiċidju ż-żagħżugħ arrestat b'rabta mal-omiċidju fil-Marsa
Il-vittma kellu erba' daqqiet ta' sikkina f’sidru u dahru
More in Kronaka
Il-vittma kellu erba' daqqiet ta' sikkina f’sidru u dahru
Żagħżugħ ta' 28 sena ġie arrestat wara omiċidju fil-Marsa li fih tilef ħajtu raġel li l-identità tiegħu għada mhijiex magħrufa.
Huwa tressaq il-Qorti llum waranofsinhar akkużat b'omiċidju u li kien qed iġorr sikkina fil-pubbliku mingħajr liċenzja, fost oħrajn.
Kien għall-ħabta tas-6:30pm tal-bieraħ filgħaxija meta l-Pulizija ġiet infurmata li kien hemm argument ejn żewġ persuni fi Triq Patri Feliċjan Bilocca, il-Marsa.
Malli waslu l-Pulizija sabu raġel mixħut fl-art, mitluf minn sensih u bi ġrieħi kkawżati minn strument li jaqta’ u bil- ponta.
Il-vittma, li għadu ma ġiex identifikat, ingħata l-għajnuna minn tim mediku fuq il-post, fejn instab li kellu erba’ daqqiet ta’ arma f’sidru u dahru. Wara ttieħed l-Isptar Mater Dei b’ambulanza, iżda sfortunatment ġie ċċertifikat mejjet ftit tal-ħin wara.
Ħidma immedjata mill-Pulizija tar-Rapid Intervention Unit wasslet sabiex ir-raġel l-ieħor involut fl-argument, Sudaniż ta’ 28 sena jiġi arrestat ftit tal-mumenti biss wara fi triq viċin, fejn fil-pussess tiegħu instabet ukoll sikkina, li allegatament intużat fid-delitt.
Fil-Qorti, iż-żagħżugħ qal li ma għandux fejn jgħix u jaħdem sporadikament. Fil-fatt, id-Difiża ma talbitx għall-ħelsien mill-arrest u ż-żagħżugħ inżamm arrestat.
Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa li ħatret inkjesta, filwaqt li l-investigazzjonijiet mill-Pulizija tad-Dipartiment tar-Reati Maġġuri u tad-Distrett tal- Ħamrun dwar dan l-omiċidju għadhom għaddejjin.