Fit-tieni kwart tal-2022 kien hemm żieda fl-inċidenti tat-traffiku u anke dawk li weġġgħu f'inċidenti meta mqabbel mal-istess kwart tas-sena l-oħra. B'kollox matul dan il-perjodu seħħew sitt inċidenti li waslu għal sitt imwiet - ħamsa aktar mill-istess perjodu s-sena l-oħra - filwaqt li kien hemm xejn inqas minn 4,240 inċident tat-traffiku matul dan il-perjodu, żieda qawwija ta' 18% meta mqabbel mal-istess perjodu s-sena l-oħra.
L-aktar żona li fiha seħħew inċidenti kien fit-Tramuntana tal-Port - li jinkludi Tas Sliema, San Ġiljan, Birkirkara, Ħal Qormi u s-Swieqi, fost oħrajn - fejn b'kollox seħħew 1,413-il inċident f'din iż-żona, jew inkella 33.3% tal-inċidenti kollha madwar il-pajjiż.
Dawk li weġġgħu f'inċident żdiedu wkoll b'8.9% għal 455, filwaqt li minn dawn 98 weġgħu serjament. Minn dawn tal-aħħar, 67 kienu sewwieqa, 13-il passiġġier u 18 kienu ċiklisti, nies qed jimxu jew oħrajn. Tliet sewwieqa u tliet persuni li kienu mexjin tilfu ħajjithom.
Il-maġġoranza l-kbira ta' dawk li weġġgħu waqt inċident - jew 71.4% - kienu rġiel, filwaqt li s-sitt vittmi ta' inċidenti tat-traffiku kienu kollha rġiel.
57.6% tal-inċidenti nvolvew karozzi tal-passiġġieri, filwaqt 34.5% kienu inċidenti li nvolvew muturi u 4.6% kienu vetturi li jġorru merkanzija.