Illum, għall-10;15 a.m il-Pulizija ġiet infurmata li kien għadu kemm seħħ inċident fiż-żona magħrufa bħala Ras Ħanżir, fl-inħawi tal-Qasam Industrijali ta’ Kordin, Raħal Ġdid.
Il-Pulizija marret mill-ewwel fuq il-post u minn investigazzjonijiet preliminari li saru rriżulta li, raġel li għandu 65 sena u residenti Ħ’Attard, waqa’ minn fuq trakk waqt li kien qiegħed jagħmel xi xogħol. Fuq il-post issejħu l-membri tal-Protezzjoni Ċivili u tim mediku sabiex jassistu, u ambulanza ħadet lill-vittma l-Isptar Mater Dei għall-kura meħtieġa.
Aktar tard, hu ġie ċċertifikat li weġġa’ serjament.
Il-Maġistrat tal-Għassa Dr Astrid May Grima ġiet infurmata bil-każ u ħatret inkjesta. L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.