Ħaddiem weġġa' gravi wara li waqa' ġo ħofra waqt xi xogħlijiet li qed isiru fl-inħawi tal-Forti Rinella fil-Kalkara.
L-inċident seħħ dalgħodu għall-ħabta tat-tmienja neqsin kwart.
Jidher li r-raġel waqa' għoli ta' madwar sular.
Fuq il-post issejħu l-membri tal-Protezzjoni Ċivili u tim mediku sabiex jassistu, u ambulanza ħadet ir-raġel l-Isptar Mater Dei għall-kura meħtieġa.
Aktar tard hu ġie ċċertifikat li weġġa’ gravi.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan l-inċident għadhom għaddejjin