Żewġt irġiel akkużati b'attakk vendetta b'rabta mal-omiċidju li kien seħħ fl-Imqabba
F'dan l-omiċidju kien inqatel iż-żagħżugħ Saviour Gaffarena
More in Kronaka
F'dan l-omiċidju kien inqatel iż-żagħżugħ Saviour Gaffarena
Żewġt irġiel tressqu l-Qorti akkużati b'attakk fuq wieħed mill-irġiel akkużati bl-isparatura fatali li seħħet fl-Imqabba fl-2020 u li fiha kien inqatel Saviour Gaffarena.
Iż-żewġt irġiel, li għandhom 63 sena u 19-il sena u li jiġu mill-vittma, ġew akkużati quddiem il-Maġistrat Monica Vella li kkawżaw ġrieħi serji fuq persuna oħra.
Jidher li l-vittma f'dan il-każ jiġi minn wieħed mill-irġiel li kienu akkużati b'dan l-omiċidju.
Gaffarena, li kellu 27 sena, kien inqatel b'tiri ta' arma tan-nar waqt li kien qiegħed isuq fi Triq il-Konvoj ta’ Santa Marija fl-Imqabba fid-29 ta' Lulju 2020. Kuġinuh, Vince Gaffarena, ukoll kien intlaqat imma kien salva.
Żewġ żgħażagħ kienu ġew akkużati b'rabta ma' dan il-każ u wieħed minnhom kien ingħata l-ħelsien mill-arrest.
L-anzjan wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih fosthom li kien qed iġorr arma tan-nar mingħajr liċenzja.
Iż-żagħżugħ qal li għadu qed jirċievi kura wara li sentejn ilu wkoll kien intlaqat minn tiri. Huwa kien akkużat b'kompliċità f'dan il-każ u wkoll wieġeb mhux ħati.
Id-Difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest u qalet li l-akkużati kkoperaw mal-Pulizija.
Il-vittma stess marret tirrapporta fl-għassa, bil-Prosekuzzjoni tgħid li ma xtaqx li jipproċedi bil-każ. Madanakollu, f'dan il-każ, il-Pulizija bilforsi kellha tieħu passi.
Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat għall-ħelsien mill-arrest anke għax il-vittma għad irid jixhed.
Il-Qorti ordnat li l-akkużati jinżammu arrestati u talbet biex il-vittma jixhed fis-seduta li jmiss. Ordnat ukoll lid-Direttur tal-Ħabs jassigura li ż-żagħżugħ jirċievi l-kura kollha li għandu bżonn.