Ritratti | Rejd tad-droga f'żewġ remissi fil-Marsa jwassal għall-arrest ta' erba' persuni
Wieħed mill-irġiel qabeż sular u nofs biex jipprova jaħrab mill-Pulizija
More in Kronaka
Wieħed mill-irġiel qabeż sular u nofs biex jipprova jaħrab mill-Pulizija
Matul il-lejl li għadda l-Pulizija wettqet rejd fuq żewġ remissi fi Triq il-Ġerrejja u Triq is-Serkin, il-Marsa b’rabta ma’ traffikar ta’ droga.
Waqt li ġew arrestati erba’ persuni, fil-post instabet kwantità ta’ droga, lesta biex tkun ittraffikata.
Ir-rejd beda għall-ħabta tal-ħdax u nofs u baqgħet sejra sa l-erbgħa ta’ dalgħodu.
Fl-ewwel remissa kien hemm żewġt irġiel, Malti u Niġerjan u kif indunaw bil-Pulizija, it-tnejn ippruvaw jaħarbu, b’wieħed minnhom saħansitra qabeż minn għoli ta’ madwar sular u nofs. Iżda t-tnejn li huma ġew arrestati mill-ewwel.
Minn tfittxija li saret f’din ir-remissa l-Pulizija sabu 230 qartas kokaina; 145 qartas eroina; u 32 qartas kannabis, kollha lesti f’boroż żgħar biex jinbiegħu. Fl-istess remissa nstabu madwar €2,000 fi flus kontanti.
Fir-remissa l-oħra, il-Pulizija arrestaw żewġt irġiel oħra mill-Ghana. Fil-post instab madwar nofs kilo kannabis u ammont konsiderevoli oħra ta’ qratas tal-kannabis lesti biex jinbiegħu. Instabu wkoll madwar €2,000 fi flus kontanti.
Miż-żewġ remissi ġew elevati diversi mobiles, apparat ta’ cctv cameras, kif ukoll oġġetti oħra b’rabta mat-traffikar tad-droga.