Wieħed miż-żagħżagħ li kien involut fl-inċident tat-traffiku li seħħ nhar is-Sibt li għadda fis-Swieqi, tilef ħajtu kmieni dalgħodu.
Fi stqarrija, il-Pulizija qalu li ż-żagħżugħ ta' 21 sena, li kien fil-periklu tal-mewt, tilef ħajtu ma-sebħ.
L-inċident seħħ fi Triq il-Madliena fis-1:30am, meta karozza, misjuqa minn tfajla ta' 17-il sena, tilfet il-kontroll u ħabet f'ħajt.
Flimkien magħha, kien hemm ukoll tliet passiġġiera, iż-żagħżugħ ta’ 21 sena residenti n-Naxxar, Żvizzeru ta’ 20 sena residenti s-Swieqi, u tfajla miċ-Ċilì ta’ 19-il sena residenti San Ġiljan.
Il-persuni kollha ddaħħlu Mater Dei iżda ż-żagħżugħ biss kien fil-periklu tal-mewt.
Il-Maġistrat tal-Għassa Yana Micallef Stafrace ħatret inkjesta.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.