Abbozz dwar il-ġurnaliżmu: 'B'saħħtu fid-diskors iżda dgħajjef fis-sustanza'

Ħames firmatarji isostnu li 'l-Gvern umilja lill-Kumitat' li waqqaf billi ma tax kas tal-aktar proposti importanti mressqa minnu

Wara li ġie ippublikat l-abbozz ta' liġi favur aktar protezzjoni għall-ġurnalisti, il-Media Reform Initiative saħaq li dan għandu numru ta' nuqqasijiet u li "l-Gvern ma tax kas tal-kumitat tiegħu stess u injora anke d-drittijiet tan-nies." L-inizjattiva hi ffirmata mill-ġurnalista ta' Newsbook Monique Agius, l-eks kap tal-Midja tal-Knisja Fr Joe Borg, eks Deputat Nazzjonalista Therese Comodini Cachia, il-blogger u ġurnalist Manuel Delia u l-eks editur Natalino Fenech. 

Il-firmatajri tal-inizjattiva saħqy li l-Gvern qed jgħid li se jsaħħaħ il-libertà tal-midja ifalli milli jġib il-bidla meħtieġa imma "jfalli milli jistabbilixxi ambjent li jippermetti l-ġurnaliżmu ħieles." 

Saħqu li l-Gvern "iddeċieda li jumilja lill-Kumitat li waqqaf billi ma jagħtix kas tal-aktar proposti importanti li għamel l-istess kumitat u rema għal kollox l-aktar 13% tal-proposti importanti."

'Injorata: Leġislazzjoni qawwija kontra l-ISLAPP' 

"Il-ftaħir tal-Gvern li qed jintroduċi miżuri effettivi kontra l-SLAPP mhuwiex rifless fl-abbozz leġiżlattiv propost tiegħu li minflok protezzjoni qawwija jipprovdi proċess dgħajjef, ambigwu u mimli piżijiet," qalu l-firmatarji. Żiedu jgħidu li dak li qed jipproponi l-Gvern ma jilħaqx standards minimi internazzjonali biex persuni involuti fil-parteċipazzjoni pubblika "ikunu protetti minn proċeduri manifestament infondati u abbużivi. Il-proposti tal-Gvern lanqas biss jirriflettu l-istandards minimi stabbiliti fid-direttiva proposta tal-UE kontra s-SLAPP." 

Komplew jisħqu li r-reġim legali propost mill-Gvern iħalli lill-ġurnalisti u lill-persuni involuti fil-parteċipazzjoni pubblika miftuħa għal theddid minn diversi pajjiżi kif ukoll għal theddid fi proċeduri fil-Qrati Maltin. "Il-proposti jpoġġu piżijiet kbar fuq il-ġurnalisti li jistgħu jkunu projbittivi." 

Fl-aħħar huma appellaw bil-qawwa lill-Gvern biex jaċċetta l-għajnuna offruta mill-għaqdiet internazzjonali li għandhom għarfien espert, mhux ikkontestat f'dan il-qasam. Jappellaw ukoll lill-Gvern biex jibda proċess ta’ konsultazzjoni pubblika. 

Intant aktar kmieni dan ix-xahar, 103 persuni  iffirmaw biex jiġu ppublikati dawn ir-rakkomandazzjonijiet. Dawn il-103 jinkludu 11-il editur Malti diversi ġurnalisti, akkademiċi, persuni li jaħdmu fil-midja u fil-qasam tal-arti u tat-teatru, esperti legali, attivisti, membri ta’ għaqdiet diversi u persuni li għandhom għal qalbhom id-dritt kostituzzjonali għall-espressjoni ħielsa. Il-gazzetta ILLUM/illum.com.mt kienet waħda mill-firmatarji ta' din l-ittra mibgħutha lill-Prim Ministru. 

Malta jistħoqqilha tieħu din l-opportunità biex jidħol fis-seħħ reġim legali b’saħħtu u komprensiv biex iġib libertà effettiva tal-istampa u ambjent favorevoli għall-ġurnalisti u għall-oħrajn li jaħdmu fil-midja Media Reform Initiative

More in Kronaka