Żagħżugħ jinsab fil-periklu tal-mewt wara li ttajjar ilbieraħ filgħaxija fi Triq il-Kbira San Ġużepp, il-Ħamrun.
Il-każ seħħ ilbieraħ għall-ħabta tad-9:00pm.
Il-Pulizija marret immedjatament fuq il-post u mill-ewwel investigazzjonijiet irriżulta li Sirjan ta’ 18-il sena residenti l-Fgura, ittajjar minn vettura li kienet qed tinstaq minn żagħżugħ ta’ 24 sena residenti l-Imsida.
Il-Pulizija għaddejja bl-investigazzjonijiet fuq il-każ.
Il-vittma ngħata l-għajnuna minn tim mediku, ittieħed l-Isptar Mater Dei b’ambulanza u ġie ċċertifikat li weġġa’ serjament.
Il-Maġistrat tal-Għassa ġiet infurmata bil-każ u ħatret inkjesta.