Jammetti li ħeba d-dar tiegħu persuna li kienet Malta illegalment

Il-persuna ddaħlet Malta ma' grupp ta' immigranti rregolari oħra fl-14 ta' Settembru abbord dgħajsa f'Delimara

 

Raġel ingħata sentenza sospiża wara li ammetta li kien qed iżomm fid-dar tiegħu immigranta li ma kellha l-ebda dokumentazzjoni.

L-Ispettur Karl Roberts ressaq il-Qorti lir-raġel Sirjan, li ismu ma jistax jixxandar minħabba investigazzjonijiet li għadhom għaddejin.

L-arrest seħħ wara investigazzjoni dwar il-wasla ta’ dgħajsa li kienet qed iġorr 35 immigrant irregolari. Dawn l-immigranti daħlu f’Delimara x-xahar li għadda.

Sitt irġiel kienu akkużati fil-5 ta’ Ottubru b’rabta ma’ din il-wasla. Fil-Qorti kien instema’ li l-Pulizija arrestat xi persuni wara li rċeviet informazzjoni li xi immigranti dehru nieżla minn fuq dgħajsa li kienet akkumpanjata minn luzzu, fl-14 ta’ Settembru li għadda fit-3.30am.

Fil-Qorti nstema’ kif l-akkużat ammetta li kien qed iżomm fid-dar tiegħu mara li kienet waslet dakinhar minkejja li kien jaf li din kienet Malta illegalment.

L-akkużat ilu erba’ snin jgħix f’Malta. Huwa ammetta minnufih l-akkużi.

Huwa ngħata sentenza ta’ sena ħabs sospiżi għal sentejn.

More in Kronaka