L-Uffiċjali tad-Dwana stazzjonati fil-Port Ħieles ikkonfiskat 610 kilogrammi kokaina li nstabu f’kontejner li kien qed iġorr kaxxi bil-banana mill-Ekwador għal Georgia.
Fi stqarrija, id-Dwana spjegat li l-valur tad-droga misjuba fis-suq hija ta’ €100.6 miljun.
Id-droga nstabet ppakkjata f’610 pakketti li kienu jiżnu kilogramma kull wieħed u kienu moħbija f’kaxxi tal-banana.
Uffiċjali tad-Dwana wettqu spezzjoni fuq dan il-kontejner wara eżerċizzju metikoluż li huma jagħmlu fuq diversi kontejners li jaslu jew jieqfu fil-Port Ħieles, fi triqithom lejn postijiet oħra.
Fil-fatt, waqt l-iskenjar ta’ dan il-kontejner, l-uffiċjali nnutaw xi diskrepanzi.
L-uffiċjali, flimkien mal-Pulizija, feħtu dan il-kontejner u spezzjonaw il-kaxxi kollha.
Id-droga nstabet moħbija f’20 kaxxa tal-banana.
Fl-aħħar tliet snin, id-Dwana għamlet dawn is-sejbiet ta’ kokaina:
- 2019 - 750 kilogramma fi 13-il konfiska
- 2020 – 612-il kilogramma f’konfiska waħda
- 2021- 740 kilogramma f’konfiska waħda
- 2022 – Sejba ta’ 800 kilogramma, sejba ta’ 1,494 kilogramma u sejba ta’ 610 kilogrammi