Ilbieraħ, f’ħidma konġunta bejn diversi sezzjonijiet tal-Pulizija, flimkien mal-uffiċjali ta’ Transport Malta u l-Forzi Armati ta’ Malta, saru numru ta’ kontrolli fuq vetturi fix-Xewkija bħala parti mill-ħidma kontinwa fejn tidħol is-sigurtà.
Matul l-ispezzjonijiet il-Pulizija sabu 10 persuni li kienu qed jgħixu fil-pajjiż b’mod irregolari. Dawn il-persuni ttieħdu f’Ċentru ta’ Detenzjoni fejn beda l-proċess sabiex ma jibqgħux fil-pajjiż.
Dawn huma l-aħħar għaxar persuni minn għexieren oħra li fl-aħħar ġimgħat inqabdu jgħixu f'Malta illegalment u qed ikunu ripatrijati lejn pajjiżhom.
Waqt spezzjoni f’karozza Mercedes Sprinter, il-Pulizija sabet fil-pussess tax-xufier, Pollakk ta’ 30 sena, lembuba, pepper spray u mus. L-affarijiet ġew ikkonfiskati mill-Pulizija u se jinħarġu akkużi fil-konfront tar-raġel.
Twaqqfu diversi vetturi oħra u tħarku diversi persuni minħabba ksur tar-regolamenti tat-traffiku li jinkludu sewqan mingħajr liċenzja, sewqan ta’ vettura mingħajr liċenzja tat-triq u polza tal-assigurazzjoni valida, użu ta’ vettura mingħajr iċ-ċintorin tas-sigurtà u dwal mhux skond il-liġi, fost diversi ksur ta’ regolamenti oħra.