Tlett irġiel tressqu l-Qorti akkużati b’serqa minn ħanut tal-mowbajls f’Ħaż-Żebbuġ.
It-tliet irġiel li għandhom 41 sena, 35 sena u 20 sena, ġew akkużati b’konfoffa biex isir reat.
Ir-raġel ta’ 41 sena kien akkużat ukoll li seraq għadd ta’ mowbajls u li għamel dan bi vjolenza tant li weġġa’ lill-impjegat.
Kien akkużat ukoll li kien armat b’sikkina, b’serq ta’ pjanċa ta’ reġistrazzjoni ta’ karozza u anke li kien reċidiv.
L-Ispettur Lydon Zammit spjega kif it-tlett irġiel ħarbu minn fuq il-post b’karozza u l-pjanċi tar-reġistrazzjoni tagħha kienu nsterqu minn karozza pparkjata f’Ta’ Qali.
Jidher li t-tlett irġiel jgħixu fl-istess appartament.
L-irġiel ta’ 35 u 20 sena ġew arrestati ġurnata qabel ir-raġel l-ieħor u qalu lill-Pulizija li ma kellhomx idea tas-serqa.
Iżda l-għada ġie arrestat ir-raġel ta’ 41 sena li ammetta li wettaq is-serqa u li din kien ippjanaha mal-irġiel li jgħixu miegħu.
Eventalment anke dawn ammettaw.
Il-Pulizija identifikaw u tkellmu wkoll mal-erba’ persuni li xtraw il-mowbajls misruqa u identifikaw ukoll lir-raġel li mingħandu xtrawhom.
Ir-raġel ta’ 41 u dak ta’ 35 sena wieġbu mhux ħatja iżda ma ngħatawx il-ħelsien mill-arrest.
L-akkużat ta’ 20 sena wieġeb ħati, bil-prosekuzzjoni tispjega kif hu kkopera mal-Pulizija u anke jidher li ma riedx li jkollu x’jaqsam mas-serqa minkejja li kien għen fl-ippjanar tagħha.
Il-Prosekuzzjoni qalet ukoll li huwa ċar li l-irġiel ma kellhomx l-istess sehem u li ż-żagħżugħ ħa sehem biss biex b’dak li jdaħħlu, jkun jista’ jixtri d-droga.
Il-Qorti qalet li mhux se tagħtih sentenza llum biex tifhem aħjar il-każ u anke l-qagħda taż-żagħżugħ.