Anzjana tinsab fil-periklu tal-mewt filwaqt li l-kundizzjoni ta' żewġha għadha mhijiex magħrufa wara nirien li ħakmu r-residenza tagħhom fl-Imqabba.
Il-każ seħħ kmieni dalgħodu meta l-Pulizija ġiet infurmata li kien hemm bżonn l-assistenza fi Triq il-Karmnu, l-Imqabba.
Il-Pulizija marret minnufih fuq il-post fejn sabu li kien hemm nirien f’residenza. Fuq il-post issejħu wkoll il-membri tal-Protezzjoni Ċivili li kkontrollaw in-nirien, kif ukoll tim mediku.
Konsegwenza tal-ħruq, żewġ vetturi li kienu pparkjati quddiem ir-residenza sofrew xi ħsarat.
Raġel ta’ 76 sena u mara ta’ 70 sena, li ftit qabel kienu ġewwa r-residenza, ittieħdu l-Isptar Mater Dei għall-kura kawża tad-duħħan li kienu belgħu.
Il-mara ġiet iċċertifikata li tinsab f’kundizzjoni serja, filwaqt li l-kundizzjoni tar-raġel għadha pendenti.
Il-Maġistrat tal-Għassa ġiet infurmata bil-każ u ħatret inkjesta. Investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.