‘Dawk responsabbli għall-iskart maħruġ bl-addoċċ għandhom jibdew jiġu ippenalizzati’
Infurzar, infurzar u aktar infurzar. Hekk qed jitolbu u jistennew is-Sindki tan-Naxxar, ta’ Tas-Sliema, ta’ San Pawl il-Baħar u ta’ San Ġwann mal-ILLUM ftit jiem wara li ġiet introdotta l-iskeda tal-ġbir tal-iskart il-ġdida u ġimgħat wara l-introduzzjoni tal-magni tal-BCRS
minn Anthea Cachia
Sena ġdida, skeda ġdida tal-ġbir tal-iskart. Filwaqt li għal ħafna din il-bidla jaf kienet pożittiva biex nibdew is-sena bit-tajjeb, għal oħrajn fissret aktar ġenn biex jippruvaw jifhmu rutina ġdida. Fil-fatt is-Sindku ta’ San Pawl il-Baħar Alfred Grima saħaq li kien ikun aktar għaqli li kieku din l-iskeda kienet tiġi posposta b’xahar mhux jiem wara l-festi, hekk kif din setgħet kienet ta’ xkiel u tat inqas ċans biex in-nies jidrawha.
Ħafna irrimarkaw fuq Facebook illi, “minkejja li l-awtortajiet kienu ilhom ġimgħat javżaw dwar din il-bidla, ħafna nies xorta ma ħarġux il-borża t-tajba.” B’reazzjoni għal dan l-ILLUM, l-għada li ġiet introdotta din il-bidla – jiġifieri t-Tlieta 3 ta’ Jannar - marret f’sitt lokalitajiet madwar Malta; Birkirkara, in-Naxxar, il-Mosta, San Pawl il-Baħar, San Ġwann u Tas-Sliema, bil-għan li tara x’inhu jiġri fit-toroq u jekk kienx hemm kambjament mill-ġurnata ta’ qabel, jew le.
B’mod ġenerali fil-partijiet li marret fihom l-ILLUM, seta’ jiġi nnotat li l-maġġoranza tal-iskart fuq il-bankini kienu tal-borża s-sewda, kif skedat dakinhar. Minn naħa l-oħra l-aktar skart “irregolari” li kien preżenti kienu dak tal-borża l-ġriża, jiġifieri tar-riċiklaġġ. L-ILLUM tirrimarka li filwaqt li kien hemm ċertu żoni illi fihom kien hemm preżenza aktar qawwija ta’ skart irregolari, kien hemm żoni oħra li kienu kompletament konformi mar-regoli l-ġodda, mingħajr xi borża griża ‘l hemm jew ‘l hawn.
Minkejja li l-ILLUM żaret diversi żoni, din il-gazzetta marret ukoll għand is-Sindki ta’ dawn l-istess irħula biex tieħu stampa aktar ċara ta’ kif ir-residenti qed jirreaġixxu għal din il-bidla. Sindku tgħid li l-lokalità marret tajjeb, ieħor jgħid li marret tajjeb f’żoni partikolari aktar minn oħrajn, ieħor iħoss li għadu kmieni u l-ieħor iħoss li kważi kollox “back to square one.”
‘Morna tajjeb’ – Is-Sindku Anne Marie Muscat Fenech Adami
Is-Sindku tan-Naxxar Anne Marie Muscat Fenech Adami, b’pożittività innotat li n-Naxxar, b’mod ġenerali, mar tajjeb. Tant hu hekk li l-Kunsill ħa l-inizjattiva wkoll li jmexxi l-ħin tal-ġbir tal-iskart għad-9:00 a.m. biex aktar nies jilħqu joħorġu l-iskart.
Minn naħa l-oħra l-ikbar problema għall-Kunsill tan-Naxxar huwa n-nuqqas ta’ riċiklaġġ kif suppost u r-rimi tal-iskart goff bl-addoċċ. “Għandna s-servizzi b’xejn. Dak huwa d-dispjaċir tagħna li tagħmel diversi inizjattivi biex tindirizza l-problemi u n-nies ma jagħtux kas.”
Hija żiedet tgħid li mhux l-ewwel darba li rat siġġijiet ħdejn il-bring in sites, minkejja li wieħed jista’ jċempel lill-kunsill illi joffri li jiġbor l-iskart goff dirett minn mal-bieb tad-dar, b’xejn. “La hemm is-servizzi, mela m’għandux ikun hemm skużi u jekk wieħed jarmi barra qed iniġġeż l-ambjent. Aħna rridu kwalità ta’ ħajja aħjar għar-residenti.”
L-ILLUM tistaqsi wkoll fuq l-iskema tal-Beverage Container Refund Scheme (BCRS) u filwaqt li tisħaq li bħalissa l-unika magni li hemm fin-Naxxar huma dawk ġewwa s-supermarkets (kummerċjali) hija qalet lil din il-gazzetta li se tkun qed titwaħħal l-ewwel magna pubblika tal-BCRS. Muscat Fenech Adami irrimarkat li tixtieq li hemm aktar spazju biex jiżdiedu aktar magni “għax in-nies ħadu inizjattiva u qed jagħmlu użu sew minnhom, iżda l-ispazji huma limitati.”
Intant fuq l-infurzar Muscat Fenech Adami sostniet li huwa importanti li jkun hemm id-dixxiplina, mhux biss fl-iskart u r-rimi ta’ fliexken tal-plastik. Fil-fatt hija żiedet tgħid li ħafna drabi n-nies ma jagħtux każ meta jiġu mwissija iżda l-folja tinqaleb meta ikunu jafu li jistgħu jaqilgħu multa.
“Minkejja li l-maġġoranza tar-residenti dejjem jikkoperaw u jirriċiklaw kif suppost, għandhom ikunu r-residenti stess li jagħmlu l-almu tagħhom biex ikollna riżultati tajbin,” temmet tgħid Muscat Fenech Adami.
‘L-infurzar, jew in-nuqqas tiegħu, jibqa’ problema kbira f’Tas-Sliema’ – Is-Sindku John Pillow
Fuq l-istess ħsieb, is-Sindku ta’ Tas-Sliema John Pillow saħaq li l-infurzar, jew aħjar in-nuqqas tiegħu, hija ta’ problema kbira. Fil-fatt jgħid li għal din il-lokalità, din hija problema ikbar għaliex mhijiex lokalità li jgħixu fiha biss il-familji iżda hemm diversi ‘holiday homes’, villeġġjaturi u lukandi li jagħmilhom ferm aktar diffiċli biex jimxu mal-iskedi tar-rimi tal-iskart.
Pillow stqarr li ġurnata biss wara li l-iskeda daħlet fis-seħħ “għadu wisq kmieni biex nara l-andament ta’ din il-bidla.”
Minkejja dan, stqarr li kien sorpriż li fl-ewwel jum ma kienx hemm daqstant boroż maħruġa ħażin daqs kemm antiċipa. Huwa spjega li normalment kull nhar ta’ Tnejn kienu jinħarġu l-borża l-griża u dik organika u għaldaqstant qal li ma tantx ra boroż ta’ riċiklaġġ barra.
Pillow żied li fost ir-residenti hemm ħafna tgergir fuq il-kollezzjoni tal-iskart imħallat, jiġifieri l-borża s-sewda, għaliex minn tliet darbiet fil-ġimgħa dan se jibda’ jinġabar darbtejn biss. “Mhux biżżejjed,” qal Pillow.
Pillow reġa’ għamel referenza għall-infurzar u staqsa, “meta r-residenti tal-holiday homes jiġu għal vaganza taħseb li se joqgħodu jisseparaw? Żgur li le.”
‘Għalkemm mhux ħażin li ssir bidla, tieħu l-ħin biex twassal il-messaġġ lin-nies’ – Is-Sindku Alfred Grima
Mhux l-ewwel darba li smajna lis-Sindku Alfred Grima, bħal membri oħra tal-Kunsill Lokali, jkun voċiferu fuq l-iskart f’San Pawl il-Baħar, l-akbar lokalità ta’ Malta.
“Din ma kellhiex tidħol fis-seħħ eżatt wara l-festi u kien ikun aħjar li kieku l-pjanijiet ġew posposti għal xahar ieħor, kif issuġġerejna aħna,” qal Grima. Huwa spjega li b’dan il-mod, l-awtoritajiet kienu jagħtu aktar ċans biex jixxerred il-messaġġ.
Huwa qal mal-ILLUM li persuna hija obbligata li titfa’ x’titfa’ fit-triq xorta żżom l-indafa, kemm jekk hux borża tal-iskart, jekk hux skip jew xi magna tal-BCRS. Hawn l-ILLUM għamlet referenza għal dak li qal Grima stess ftit jiem qabel fuq dawn il-magni u li jekk ma jitnaddafx l-iskart li n-nies kienu qed iħallu mal-magna tar-riċiklaġġ, kien lest li jimblokkahom. Fil-fatt fuq dan huwa qal li “jiena ma nagħtix tort ta’ min jopera l-magni tal-BCRS iżda lin-nies irresponsabbli li jagħmlu mandra mal-madwar.”
Intant huwa sostna li b’din il-bidla qiegħed iħoss li kważi kollox “back to square one.” Mistoqsi fuq hekk huwa stqarr li sa tliet snin ilu f’San Pawl il-Baħar il-problema ta’ skart kienet ħafna ikbar minn dik ta’ issa u li frott tal-ħidma tal-kunsill irnexxielu jasal għand in-nies biex joħorġu l-iskart meta suppost u kif suppost. Huwa żied li mhux faċli għar-residenti lanqas, li filli tkun drajt mod imbaghad ikollok tibdel kollox.
“Għalkemm mhux ħażin li ssir bidla sakemm din tasal għand in-nies tieħu ż-żmien,” qal Grima.
Grima jaqsam il-popolazzjoni ta’ San Pawl il-Baħar fi tliet kategoriji. L-ewwel kategorija hija magħmula minn dawk li jimxu mar-regoli iżda li għadhom ma drawx is-sistema l-ġdida. Huwa fakkar ukoll f’din il-kategorija jaqgħu ukoll l-anzjani li jaf isibuha diffiċli biex jidraw.
“It-tieni kategorija hija magħmula minn dawk li jiġu jaqgħu u jqumu fi xħin joħorġu l-iskart. L-aħħar kategorija hija magħmula minn nies li jgħixu f’appartamenti mikrija bħala ‘short lets’ u li sa issa r-riforma għadha ma indirizzatx,” kompla Grima.
Fuq tlieta toqgħod il-borma u Grima ukoll jagħmel aċċenn għall-infurzar. Huwa sostna li l-kunsilli lokali għadhom ikollhom l-informazzjoni għad-dispożizzjoni tagħhom tas-sidien ta’ dawn l-appartamenti. “Minħabba f’hekk il-kunsilli qed jiddependu mill-infurzar tal-Gvern, li kulħadd jaf li fejn jidħol l-ambjent, huwa ineżistenti.”
Fl-aħħar Grima temm b’appell lill-Gvern. Jgħid li bħala Sindku, “nistenna li dawk responsabbli għall-iskart maħruġ bl-addoċċ jiġu penalizzati għan-nuqqasijiet li jagħmlu għal tal-apposta jew għax verament ma jinteressahomx u mhux dawk li jagħmlu żball ġenwin u jinsew liema borża jridu joħorġu.”
‘L-agħar problema hija r-rimi bl-addoċċ, iżda l-kameras li għamilna qed jaħdmu u n-nies tħarrku ’ – Is-Sindku Trevor Fenech
Waħda mil-lokalità li żaret l-ILLUM kienet ukoll San Ġwann li s-Sindku tagħha, Trevor Fenech, qal li ħafna mir-residenti ħarsu r-regoli ġodda u ħarġu l-iskart kif kien suppost. “Sintendi kien hemm min ħareġ il-borża l-ħazina iżda r-residenti b’mod ġenerali kollha kkoperaw,” qal Fenech.
Min-naħa l-oħra jirrimarka li l-ikbar problema f’dan il-każ kienu l-blokok ta’ appartamenti li jikru lin-nies. Jgħid li kien hemm persentaġġ ta’ nies li kuntrarju għar-residenti li jaf ilhom jgħixu hemm is-snin, ma kinux daqshekk kawti meta ħarġu l-iskart mir-residenza li qed jgħixu fiha.
Fenech ukoll isostni li minkejja li din il-bidla ħalliet riżultati nkoraġġanti, jibqa’ l-problema ta’ rimi bl-addoċċ u f’postijiet fejn mhux suppost. Minkejja dan jisħaq li issa li l-Kunsill installa numru ta’ kameras u bl-għajnuna ta’ GreenPak u l-ERA qed jitħarrku persuni li jinqabdu.
Jgħid li l-istess jiġri ħdejn magna partikolari tal-BCRS li mhux kummerċjali li l-problema nnifisha mhix il-fliexken tal-plastik iżda qal li meta xi ħadd iħalli xi kaxxa tal-kartun dak li jkun pront iħalli l-boroż tal-iskart hemm. Fil-fatt Fenech stqarr mal-ILLUM li mit-tnedija tagħhom għamel l-ewwel ġimgħa jnaddaf wara n-nies iżda “issa dak kollu li jinsab fil-madwar tal-magni qed jitnaddaf mill-kumpanija stess.”
Kif suppost toħorġu l-iskart?
- It-Tnejn – Skart Organiku biss (borża bajda)
- It-Tlieta – Skart imħallat (borża sewda)
- L-Erbgħa – Skart Organiku biss (borża bajda)
- Il-Ħamis – Skart Riċiklat (borża griza jew ħadra)
- Il-Ġimgħa – Skart Organiku biss (borża bajda)
- Is-Sibt - Skart Imħallat (borża sewda)
Minn naħa l-oħra l-ġbir tal-fliexken tal-ħġieġ se jkun qed isir kull l-ewwel Ġimgħa tax-xahar u t-tielet Ġimgħa tax-xahar.