Intriċċi, sess u flus... Il-Mafja Maltija f'Soho miġbura fi ktieb
Min hu Big Frank Mifsud? Kif bnewh l-imperu mafjuż f'Soho, il-Maltin? U għaliex kellu jitkisser iċ-ċirku ta' korrotti Maltin biex tissolva l-problema ta' tixħim fi Scotland Yard? Nagħtu ħarsa lejn il-ktieb ta' Matthew Vella...
minn Albert Gauci Cunningham
Ħafna mill-ġrajjiet tal-Maltin f’Soho, meta parti kbira mill-industrija tas-sess hemm kienet maħkuma minn intraprenditur Malti - ‘Big Frank’ Mifsud - rari ngħataw l-attenzjoni xierqa minn rakkontaturi tal-istejjer u ġurnalisti f’Malta. Fil-fatt l-istejjer aneddotali ta’ spiss qishom ‘ċċelebraw’ l-avventuri ta dawn il-pirati li f’Londra sabu dar u, għal mill-inqas 15 sa 20 sena, ħadu kontroll ta’ parti sostanjzali tal-kriminalità marbuta mal-vizzju.
Ħafna kittieba tal-ġeneru true crime bilkemm ittantaw immissu mas-suġġett. Il-kotba fuq il-gangland ta’ Londra, ta’ spiss kemm ikollhom kapitolu wieħed biss iddedikat għal sħubija kriminali ta’ Mifsud mal-mobster Lhudi Bernie Silver.
Iżda l-ebda ktieb ieħor għadu ma indirizza direttament il-qawwa kollha tal-hekk-imsejjaħ ‘Maltese Syndicate’ ta’ Mifsud, il-vjolenza użata biex tikkontrolla n-negozju tal-Maltin li kienu jaqgħu taħtu, ir-regħba tiegħu għall-proprjetà f’Soho u l-irwol li s-Sindikat kellu fil-qtil, il-bombi, tixħim u theddid ta’ pulizija, xhieda u Maltin.
‘Passport To Vice’ huwa l-ewwel pubblikazzjoni li toffri l-istorja tas-Sindikat, ktieb li jagħti dettalji dwar Frank Mifsud bħala kap ta’ din l-organizzazzjoni, ir-relazzjonijiet tiegħu mal-Maltin li ħadmu għalih, dettalji ppubblikati għall-ewwel darba mill-arkivji tal-pulizija Ingliżi u Maltin u komunikazzjonijiet lill-Uffiċċju tal-Prim Ministru f’Malta, kif ukoll ix-xhieda li taw dawn in-nies stess lill-pulizija dak iż-żmien.
B’dokumenti mill-arkivji, 1,000 storja mill-istampa Brittanika mis-snin tletin sas-snin tmenin, u intervisti mas-superstiti tal-era, Vella jittraċċa l-oriġini ta’ dawn il-Maltin mill-għeruq ta’ din l-industrja qalb il-familja Messina, il-baħrin Maltin fuq il-baċiri ta’ Cardiff, u l-evoluzzjoni gradwali tas-Syndicate hekk kif imxiet mill-East End għal Soho.
Ftit mill-kotba dwar il-ganglands ta' Londra jiddedikaw spazji għall-Maltin ta' Soho
“Ridt nikteb ktieb li, fundamentalment, jindirizza l-għatx ta’ qarrej Malti għal narrattiva storika dwar il-Malti ta’ Soho,” qal Vella, li jiddeskrivi xogħlu ta' ġurnalist bħala wieħed “ibbażat strettament fuq fatti biss”.
“Hemm ħafna ‘leġġendi’ f’ħafna kotba tal-gangland ta’ Londra, u ftit minnhom jiddedikaw aktar minn kapitlu wieħed dwar il-Maltin. Ridt nikteb ktieb li huwa purament dwar il-Maltin f’Soho, ridt inwettaq l-aktar stħarriġ estensiv possibbli ta’ gazzetti minn dak iż-żmien, u nfittex iżjed evidenza ta’ dawn il-ġrajjiet b’riċerka storika tal-arkivji, kif ukoll intervisti personali,” jgħid Vella, li qatta’ aktar minn tliet snin jirriċerka.
“Ma naħsibx li per eżempju kellna l-istorja kbira dwar il-qtil ta’ Tommy Smithson fl-1956, il-kontroll ta’ Frank Mifsud fuq l-irġiel li kienu jaħdmulu, il-firebombs fis-snin sittin, it-tixħim tax-xhieda u tal-pulizija, l-attentat ta’ qtil ta’ George Caruana u anke r-relazzjonijiet li l-Maltin kellhom mal-Krays.”
'Ridt inwassal naħa oħra ta’ Mifsud... Il-familja ma’ riditx'
Il-ktieb xejn ma niżel sew mal-qraba ta’ Mifsud. Vella fil-fatt diġà rċieva cease-and-desist letter mingħand l-avukat li jirrapreżenta membru tal-familja Mifsud, li talab biex il-ktieb ma joħroġx għax qalu li jkun "ta’ ħsara għall-qraba tal-mejjet Mifsud" li miet fi 92 Raheny, f’Dublin, fejn kien jgħix meta ma kienx ikun Malta.
“Jien ridt inwassal naħa oħra ta’ Mifsud, dak bħala raġel tal-familja, imma l-familja ma’ riditx. Wieħed jista’ biss joqgħod fuq ir-riċerka storika.”
Vella jgħid li din l-istampa ta’ Mifsud hija allura ta’ raġel immotivat mir-regħba, vjolenza, u dejjem intiż li jdawwar il-liġi favurih bis-saħħa tal-flus. Dawk li kienu jafuh dak iż-żmien, u li tkellmu mal-ġurnalist, jaqblu. “Anke jekk tieħu d-dikjarazzjonijiet li l-Maltin stess taw lill-pulizija u lill-Ispettur Bert Wickstead fl-1973, meta l-pulizija kellhom ikissru l-ħakma tal-Maltin minħabba l-korruzzjoni tal-pulizija Ingliża, issibha diffiċli li ma taqbilx mal-fehma li Mifsud u Silver kienu ffurmaw mafja klassika, għalkemm b’pedamenti dgħajfa.”
Vella jgħid li ħafna informers Maltin isibuha diffiċli li jkollhom l-ismijiet tagħhom pubbliċizzati. “Nies bħal iben il-miljunarju ta’ Soho, Paul Raymond, jew l-ispettur tal-pulizija rtirat John Lewis, jagħtu rendikont ta’ dan iż-żmien pjuttost ddokumentat tajjeb ta’ kriminalità, li jien naħseb qatt ma ngħata t-trattament xieraq tiegħu, s’issa. Is-sidien tal-klabbs Maltin tal-era jridu madankollu jpoġġu dak iż-żmien warajhom, u jippreferu l-anonimità.”
Fir-riċerka tiegħu, Vella jirrintraċċa l-istorja ta’ klassi kriminali Maltija li kienet tinnegozja esklussivament fil-prostituzzjoni, b’sistema organizzata ħafna ta’ tixħim tal-pulizija u tal-akkwist ta’ proprjetà.
“Sa tmiem is-snin sebgħin, nies bħal Mifsud kienu saru sinjuruni. U anke wara s-70ijiet, żammew xi forma ta’ kontroll fuq il-proprjetajiet tagħhom f’Soho permezz tal-użu ta’ kumpaniji offshore u avukati. Fis-60ijiet rnexxielhom jaħarbu mill-liġi grazzi għax-xhieda li kienu jxaħħmu. Min-naħa l-oħra, il-pulizija ta’ Londra wara s-70ijiet kienu kuntenti li ‘keċċew’ lill-Maltin, għax l-industrija tal-vizzji li kienu jmexxu kienet qed twassal għall-korruzzjoni fil-Pulizija saħansitra sal-ogħla gradi.”
Filwaqt li l-aħwa traffikanti tan-nisa Messina, familja Maltija minn Sqallija, setgħu jgawdu l-aċċess li kienet tagħtihom iċ-ċittadinanza Brittanika biex jibnu l-imperu tagħhom tal-prostituzzjoni, grupp ġdid ta’ immigranti Maltin kienu wkoll qed jagħmlu isimhom f’din is-sengħa.
“Kienu baħħara li spiċċaw f’Cardiff, wieħed mill-akbar baċiri għall-esportazzjoni tal-faħam. F’Bute Street ħdejn Tiger Bay, il-Maltin waqqfu dawn il-Kafetteriji, biex iservu lill-baħrin minn madwar id-dinja kollha li kienu miġbura hemm, bl-ikel, ix-xorb u naturalment in-nisa. U dan il-mudell ġie replikat f’ħafna żoni oħra tal-baċiri fir-Renju Unit, bħal f'Shields fit-tramuntana tal-pajjiż.”
Vella rnexxielu anke jsib nexus importanti bejn Cardiff u Londra, ċioe dawk il-Maltin ta’ Soho li għaddew minn Cardiff għal Londra fejn bdew il-ħajja bħala pimps.
“Wara l-gwerra, il-faqar u l-awsterità ta’ dak iż-zmien, tara ħafna nisa jużaw il-prostituzzjoni bħala mod leġittimu biex jissupplimentaw id-dħul tagħhom. Nisa li ħarbu minn familji abbużivi jew li niżlu mit-Tramuntana għal Londra, li ħerġin fl-istazzjon ta’ Aldgate — tista’ ssejjaħlu bħala d-dħul għall-East End ta’ Londra għal dawn in-nies — isibu Maltin jistennewhom sabiex jeħduhom magħhom.”
Anki supretendenti tal-pulizija madwar l-East End kif ukoll f'Soho, kważi kienu jiddejqu jieħdu ċerta tip ta’ azzjoni kontra l-prostituzzjoni fi żmien diffiċli ta’wara l-gwerra. “Fl-East End il-Maltin żgur li kienu responsabbli għal mod kif Cable Street inbidlet f’red-light district u saret kważi no-go area. Iżda kienu sabu opportunità għal-negozju wkoll għax kellek id-docklands fil-qrib. Għalhekk, għandek l-istess esperjenza ta’ Cardiff ripetuta hawn.”
Il-messaġġ tal-Maltin: 'Lesti noqtlu lil min jidħlilna fl-għalqa'
Kien fl-1956 - fi żmien partikolari fejn il-Maltin kienu se jibdew jibnu l-imperu żgħir tagħhom f'Soho u joħorġu mill-East End - li Frank Mifsud inkariga lil Philip Ellul u Victor Spampinato b’hit fuq Tommy Smithson, gangster Ingliż li kien daqsxejn ta’ bully mal-Maltin.
“Kien mument partikolari għall-Maltin, fejn bagħtu messaġġ li kienu lesti joqtlu lil min jipprova jidħlilhom l-għalqa. Il-Maltin ma kienux ‘jikkmandaw’ fil-veru sens tal-kelma, ċioe, dejjem kellhom iħallsu għal dan il-privileġġ, lil gangsters ikbar minnhom – prinċipalment Billy Hill, li jsemmi lil Mifsud fil-bijografija tiegħu wkoll. Ma’ Bernie Silver, Mifsud beda jixtri l-proprjetajiet tal-aħwa Messina, jew ta’ John Gaul, jqiegħdu l-prostituti fl-appartamenti f’Soho, joperaw klabbs striptease u clip-joints, u jmexxu l-logħob tal-azzard. Dan bi ħlas lejn xi ħadd ikbar minnhom — Hill innifsu, u anki l-Krays meta jibdew jimxu fil-West End.”
Fl-1967, Silver u Mifsud talbu pjaċir mingħand l-aħwa Kray: ‘frightener’ fuq is-sid ta’ xi klabbs rivali George Caruana l-Għawdxi. “Kienet balbuljata sħiħa. Il-Krays riedu jorbtu lill-Maltin f’konfoffa billi joqtlu lil Caruana, sabiex ikunu jistgħu jidħlu huma fil-klabbs Maltin. Meta l-assassinju falla, l-Ispettur Nipper Read irnexxielu jdawwar l-elementi l-aktar dgħajfa tal-Krays biex jibni każ kontra t-tewmin Reggie u Ron.”
'Ma tistax ma ssejħilhiex mafja'
Ħames snin wara, is-supremazija Maltija li inbniet bit-tixħim tal-aqwa pulizija, intefgħet taħt il-lenti ta’ investigazzjoni kontra l-korruzzjoni. “Bert Wickstead kellu l-ewwel ikisser lill-korrotti ewlenin — il-Maltin — biex isolvi l-problema tat-tixħim f’Scotland Yard.”
Bl-għajnuna tal-pulizija Maltija, Wickstead intraċċa l-ewwel lil Victor Spampinato, imbagħad lil Philip Ellul, biex jagħtu lill-pulizija dikjarazzjoni dwar ir-rwol ta’ Mifsud u Silver fil-hit tal-1956. “Fl-aħħar mill-aħħar, għalkemm servew ħin il-ħabs fuq akkużi ta’ prostituzzjoni jew tixħim, nies bħal Mifsud fil-fatt inħelsu mill-aktar akkużi serji: Għax irnexxielhom jixtru x-xhieda kollha!”
Vella jittama li l-ktieb tiegħu jista’ jwieġeb il-mistoqsija dwar jekk il-Maltin verament kellhomx tassew ‘mafja’ f’Londra. Il-ktieb tiegħu joffri l-fatti li bihom il-qarrej jista’ jkejjel dal-grad ta’ influwenza kriminali. “Ta’ spiss wieħed jistaqsi jekk l-uniku reat li l-Maltin għamlu huwa li jiffaċilitaw il-prostituzzjoni, li fin-natura tagħha hija għal ċerta nies, moralment oġġezzjonabbli.
Iżda meta tikkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-aqwa pulizija dwar l-organizzazzjoni u l-ġid enormi li akkumulaw Silver u Mifsud, ta’ kif kienu jxaħħmu l-puliżija u x-xhieda, u r-reati — l-aktar ta’ natura vjolenti — li kienu jagħmlu, anki jitfgħu l-bombi ta’ pitrolju lil xulxin, ma tistax ma ssejħiliex mafja.”