Tliet irġiel u żewġ nisa ttieħdu l-Isptar Mater Dei wara li lbieraħ kienu involuti f'żewġ inċidenti separati tat-traffiku.
L-ewwel inċident seħħ għal xi 2:45p.m., fi Triq Bir ir-Ruwa, ir-Rabat. Mill-ewwel investigazzjonijiet irriżulta li raġel ta’ 60 sena miż-Żejtun tilef il-kontroll tal-Mazda Demio li kien qed isuq u nqaleb. Fil-vettura kien hemm ukoll żewġ nisa ta’ 56 sena u ta’ 64 sena, kif ukoll raġel ta’ 64 sena, kollha jgħixu ż-Żejtun. Membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili kienu wkoll fuq il-post biex jassistu.
It-tieni inċident ġara għal xi 7:45p.m, fi Triq il-Buqana, ir-Rabat. Mill-ewwel stħarriġ li sar irriżulta li Indjan ta’ 35 sena u joqgħod is-Swieqi, tilef il-kontroll tal-mutur li kien qed isuq, tat-tip Peugeot Tweet, bil-konsegwenza li waqa’ minn fuqu. Tim mediku ta l-assistenza fiż-żewġ inċidenti u l-persuni kollha involuti ttieħdu l-isptar b’ambulanza għall-kura meħtieġa.
Aktar tard, ir-raġel ta’ 64 sena u l-mara ta’ 56 sena li kienu nvoluti fl-ewwel inċident u ssewwieq tal-mutur ta’ 35 sena ġew iċċertifikati li weġġgħu gravi, filwaqt li l-oħrajn ma sofrewx ġrieħi.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.