Matul din il-ġimgħa u fil-jiem li ġejjin, 20 uffiċjal tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili qegħdin kontinwament jassistu lill-awtoritajiet Griegi fit-tifi tan-nirien ikkawżati minn temperaturi estremi, b'effett li qed iħallu impatt dirett f’bosta reġjuni tal-Greċja. Liema temperaturi mhux biss qed jinħassu l-Greċja iżda ħakmu l-maġġoranza tal-pajjżi Ewropej, inkluż Malta u Għawdex.
Illum pajjiżna għandu Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili b’ħaddiema li huma lesti biex meta pajjiżi oħra jkunu fi bżonn urġenti, huma jkunu lesti li jmorru barra minn xtutna biex jassistu f’sejħiet ta’ għajnuna internazzjonali.
Malta rrispondiet għas-sejħa taħt il-mekkaniżmu tal-protezzjoni ċivili tal-Unjoni Ewropea għall-Greċja hekk kif it-temperaturi estremi qed jikkawżaw nirien fil-foresti, fil-ħaxix u fl-għelieqi, kif ukoll pressjonijiet fuq is-sistemi tal-provvista tal-enerġija.
Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza Byron Camilleri għamel kuntatt mal-ħaddiema Maltin u rrikonoxxa l-impenn tagħhom hekk kif din kienet l-ewwel darba li d-Dipartiment bagħat kontinġent barra minn pajjiżna sabiex jassisti għat-tifi tan-nar f’ċirkostanzi tedjanti u f’xenarji vasti minn dak li joffri pajjiżna.
Il-Ministru Camilleri flimkien mal-ħaddiema tkellmu dwar l-esperjenza tagħhom fil-Greċja, l-assistenza li huma joffru, dwar kif bil-ħidma f’ċirkostanzi daqstant diffiċli u kuntrastanti minn dak li joffru l-gżejjer Maltin, il-ħaddiema se jkunu mgħammrin b'esperjenzi u b'taħriġ li b'hekk se jkunu jistgħu jaqsmuhom mal-kollegi tagħhom. dan kollu bil-għan li d-dipartiment tal-Protezzjoni jibqa’ jkollu uffiċjali preparati u mħarrġa dejjem iżjed għal ċirkostanzi ta’ emerġenza varji.