L-ADPD isejjaħ protesta quddiem il-Parlament fid-dawl tal-kriżi tal-elettriku

L-ADPD nieda wkoll petizzjoni li se jkun qed jibgħat lill-Ministru Miriam Dalli flimkien ma' 10 proposti

L-ADPD sejjaħ proposta proprju fid-dawl ta’ kriżi tal-elettriku. Iċ-Chairperson tal-ADPD Sandra Gauci qalet li huwa “evidenti li l-pajjiż jinsab għarkubbtejh b’piż fuq familji u negozji u li kulħadd hu miqlut.”

Din il-protesta se ssir nhar il-Ħamis 27 ta’ Lulju fis-7 p.m. ħdejn il-Parlament fil-Belt Valletta.

Waqt il-konferenza tal-aħbarjiet, quddiem il-Ministeru tal-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża, Gauci qalet li fl-aħħar minn l-aħħar l-aktar impatt “hu fuq il-vulnerabbli li diġà hu mgħaffeġ bl-inflazzjoni u b’pagi li ma jwasslux biex jindirizzaw il-ħtiġijiet bażiċi tal-ħajja.

Qalet illi li minflok proġetti li jinvolvu flejjes enormi u “politika ekonomika ibbażata fuq żvilupp u bl-addoċċ u bla rażan li ma tistax tiġi sostnuta b’infrastruttura bażwija, għandna bżonn ekonomija li tħares lejn il-kwalità tal-ħajja. L-effett tal-korruzzjoni fuq s-sistema tal-enerġija fissret infieq fuq power station imma abbandun tas-sistema tad-distribuzzjoni.”

Spjegat illi l-qtugħ ta’ dawl qed iseħħ meta tagħmel ħafna sħana għaliex fejn qabel fuq plot kien ikollok dar waħda, issa “bil-politika ta’ laissez-faire”, illum ikollok mal-20 flat jew aktar u għaldaqstant ferm aktar kurrent qed jgħaddi mill-cables eżistenti. Żiedet li “il-Ministru Dalli stess qalet li hemm bżonn ta’ 250 substation ġdida. Mela l-Gvern jaf bil-problema imma m’għamel xejn fuqha f’dawn l-aħħar 10 snin li għaddew.”

Intant id-Deputat Chairperson Mina Jack Tolu qal li l-ADPD nediet petizzjoni bil-għan li tintbagħat lill-Ministru Miriam Dalli. Żied li “Importanti li nuru li nippretendu li l-gvern jieħu l-kriżi tal-enerġija bis-serjetà, fil-kuntest tat-tranżiżżjoni ekoloġika u soċjali lejn ekonomija u soċjetà żero-karbonju. Il-Patt Aħdar Ewropew huwa ta’ sostenn għal din it-tranżizzjoni. Irridu naraw aktar rieda politika mill-gvern li milli jidher hija nieqsa sew.”

L-ADPD ressaq numru ta’ proposti li se jkunu qed jintbagħtu mal-petizzjoni. Dawn huma:

  1. Għandna bżonn sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku b’saħħitha, anke biex nagħmlu l-qabża meħtieġa għall-enerġija rinovabbli. Pajjiżna għad m’għandux smart grid!
  2. Moratorju fuq żviluppi kbar. L-industrija tal-kostruzzjoni għandha tiġi ridimensjonata u tiffoka fuq modernizazzjoni u rinovar tal-bini.
  3. Il-bini rinovat kollu għandu jiġġenera l-enerġija kollha li għandu bżonn u jkun żero karbonju. Fuq perjodu ta’ żmien, b’għajnuna iffukata lil min għandu bżonn, il-bini kollu għandu jiġi modernizzat biex isir żero karbonju.
  4. Koperattivi tal-enerġija, għal sistema diċentralizzata tal-elettriku minn sorsi rinovabbli biss, għandhom ikunu parti mill-pjan dwar l-enerġija.
  5. Il-pjan ta’ razzjonalizazzjoni tal-2006 għandu jiġi rtirat, u l-pjani lokali għandhom jiġġeddu biex naslu għal komunitajiet żero karbonju b’pass mgħaġġel.
  6. Ir-riċerka fuq l-enerġija rinovabbli u żero karbonju għandha ssir prijorità nazzjonali minflok prijoritajiet oħra li ma jagħmlux sens f’dinja fi kriżi klimatika.
  7. Daqshekk infrastruttura għall-karburanti fossili! Kemm fuq livell nazzjonali, kif ukoll fuq livell Ewropej irridu ninqatgħu mill-karburanti fossili u nimxu lejn futur mingħajr karburanti fossili. Biex nagħmlu hekk il-gvern għandu jwaqqaf il-proġett ta’ pipeline tal-gass u minflok jinvesti l-flejjes kbar f’alternattivi sostenibbli.
  8. L-industrija għandha jkollha obbligi biex timxi lejn operat żero karbonju.
  9. Il-gvern għandu jagħti l-eżempju u l-bini kollu pubbliku għandu jiġi modernizzat u jiġġenera l-elettriku kollu li għandu bżonn.
  10. Irridu nimxu lilhinn minn ekonomija mibnija fuq l-użu intensiv rar-riżorsi, dipendenza fuq enerġija importata u l-isfruttament tan-nies, u nibnu flimkien ekonomija tal-benesseri – wellbeing economy.

More in Kronaka