Joħroġ permess għal roundabout bejn Manoel Island u x-xatt tal-Gżira
Il-bord jimponi kundizzjoni li trid issir karreġġjata għar-roti
More in Kronaka
Il-bord jimponi kundizzjoni li trid issir karreġġjata għar-roti
L-Awtorità tal-Ippjanar ħarġet permess sabiex issir roundabout bejn l-aċċess għal Manoel Island u x-xatt tal-Gżira.
Din ir-rounabout, li se jkollha dijametu ta’ 22 metru, se tinkludi żewġ karreġġjati, u se tippermetti li t-traffiku jgħaddi mill-Gżira għal Ta’ Sliema, kif ukoll għal Manoel island, mingħajr ma jieqaf.
Din kienet waħda mill-kundizzjonijiet li kienet imponiet Transport Malta fil-pjan għall-proġett ta’ Manoel Island, li ġie approvat fis-sena 2021.
Ħadd mill-pubbliku m'oġġezzjona għall-applikazzjoni, hekk kif ġiet approvata unanimament mill-10 membri tal-bord, li kien jinkludi rappreżentat mill-Kunsill Lokali tal-Gżira.
B’hekk, parti mis-central strip eżistenti se titneħħa, se jiżdiedu żewġ karreġġjati għall-karozzi u 6 zebra crossings, kif ukoll titwessa’ l-bankina.
Madanakollu, il-bord impona l-kundizzjoni li trid issir ukoll karreġġjata għar-roti kif ukoll post minn fejn jaqsmu.
Il-parti tal-pont li tmur lura għas-snin ’30 se tinżamm, pero l-estenzjoni li sarilha wara se titneħħa. Dan wara li jilħaq jinbena pont ieħor ġdid, sabiex Manoel Island tibqa’ aċċessibbli tul ix-xogħolijiet.
Dan il-proġett mhux se jkollu impatt fuq il-petrol station li hemm fil-viċinanzi, li l-Gvern xtaq imexxi għal żona fejn hemm ġnien pubbliku; liema manuvra rċeviet kritika voċifora, partikolarment mis-Sindku Laburist Conrad Borg Manche.