Il-GWU b’direttivi għall-ħaddiema tal-Air Malta
Dan wara li l-kumpanija naqset milli tirrispondi għal talba għal ftehim kollettiv ġdid
More in Kronaka
Dan wara li l-kumpanija naqset milli tirrispondi għal talba għal ftehim kollettiv ġdid
Il-General Workers’ Union (GWU) ħarġet direttivi lill-ħaddiema tal-Air Malta hekk kif il-kumpanija ma rrispondietx għal talba mill-unjin sabiex jiġi diskuss ftehmin kollettiv ġdid. Dan kien ikkonfermat mill-Kap tal-GWU Josef Bugeja.
F’ittra mibgħuta liċ-Chairman tal-kumpanija David Curmi, il-GWU iddikkjarat li tat istruzzjonijiet lill-ħaddiema sabiex ma jkollhom l-ebda kommunikazzjoni, la waqt il-ħin tax-xogħol u lanqas wara.
L-ittra li nbagħtet tinkludi wkoll li, l-membri m’għandhomx jagħmlu xogħol li mhux imħallas.
S'issa għadu mhux magħruf kemm se jdumu fis-seħħ dawn id-direttivi.
Id-direttivi jsegwu aħbar li ħarġet aktar kmieni din il-ġimgħa, fejn ġie żvelat minn The Shift li Curmi qed jitħallas €21,500 fix-xahar għat-tliet snin li se jkun okkupa l-pożizzjoni ta’ Chairman. Dan jammonta għal kwart ta’ miljun ewro fis-sena.
Minkejja dan, il-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana naqas milli jniżżel dan meta ppreżenta quddiem il-Parlament il-lista ta’ salarji li qed jirċievu dawk li ġew maħtura minnu.
Il-Ħamis, Caruana kiteb lill-Ispeaker sabiex javżaħ illi, apparti s-salarju massiv li qed jirċievi Curmi, qed jaqla’ wkoll €10,000 bħala ħlas addizzjonali ta’ direttur (director’s fee).
Meta mistoqsi minn MaltaToday, Curmi stqarr li jaf bid-disgwid li għaddej bejn l-Air Malta u l-GWU, iżda ma jafx jekk ittiħditx azzjoni. Għażel ukoll li ma jikkummentax dwar ir-rapporti fuq is-salarju tiegħu.