Ġie rrappurtat illi grupp ta’ żgħażagħ attakkaw ħaddiema ta’ McDonald’s, fl-istabbiliment ta’ Tas-Sliema. Il-każ ġara nhar il-Ħamis 3 t’Awwissu.
“Dan seħħ wara li l-ħaddiema bdew isikktu l-grupp, li kien qed jagħmel l-istorbju u jdejjaq lill-klijenti l-oħra”, qalet kelliema għal McDonald’s. “Bħala l-operaturi, l-ewwel priorità tagħna hija li nassiguraw is-sigurtà tal-ħaddiema u l-klijenti tagħna. Kull ħaddiem huwa mħarreġ sabiex jimmaniġġja inċidenti ta’ din ix-xorta, u l-proċeduri kollha kienu segwiti. Il-kumpanija timpjega wkoll uffiċjali tas-sigurtà addizzjonali fi ġranet fejn aktar nies iżuru l-istabbilimenti, inkluż fi tmiem il-ġimgħa.”
Persuna li kien fl-istabbiliment qal li dawn daħlu wara l-bank minn fejn tordna, sawwtu l-ħaddiema u kissru xi affarijiet. Madanakollu, ħadd mill-ħaddiema ma’ weġġa’.
Il-pulizija ssejjħu fuq il-post, fejn ħadu r-rapport. Minkejja dan, iż-żgħażagħ kienu diġà telqu minn fuq il-post.
L-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin.