Raġel ta' 31 sena ġie arrestat it-Tlieta filgħaxija f'San Ġiljan, wara li nstab fil-pussess ta' aktar minn 30 qartas tal-kokaina, flimkien ma xi qratas tal-kannabis u flus kontanti.
Il-Pulizija kienet għaddejja b'ronda fl-inħawi ta' Triq Santu Wistin, fejn hawn raw lir-raġel jaġixxi b'mod suspettuż wara li ra l-Pulizija resqin lejh. Minn hawn, huwa ħarab minn fuq il-post iżda ġie arrestat ftit tal-ħin wara f'lukanda li pprova jistaħba fiha.
Apparti dan huwa weġġa' b'mod ħafif lil pulizija hekk kif kien qed jirreżisti l-arrest.
Wara tfittxija f'basket, allegatament instabu 30 qartas li kien fihom sustanza maħsuba kokaina, flimkien ma' oħrajn li fihom kannabis u flus kontanti.
Huwa qed jinżamm taħt arrest filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.