Sitt turisti Maltin, tlieta nisa u tlieta rġiel, kellhom jittieħdu l-isptar wara li dawn kienu involuti f’inċident tat-traffiku bejn Pozzallo u Modica, fi Sqallija.
L-inċident seħħ il-Ħamis 31 t’Awwissu, meta l-vann li kienu qed jivjaġġaw bih ħabat ma’ karozza tal-għamla Volkswagen T-Roc. Żewġ persuni oħra kellhom bżonn jittieħdu l-isptar, bix-xufier tal-karozza jittieħed b’helicopter.
Huwa rrappurtat li ħamsa mill-Maltin għadhom qed jiġu rikoverati l-isptar, minħabba ġrieħi li jinkludu ksur fil-ġenb u fix-xedaq, kif ukoll kien hemm min fekkek il-minkeb u l-ispalla.
Mara minnhom tirrikjedi operazzjoni f’ġenbha. Għaddejjin diskussjonijiet bejn l-awtoritajiet tas-saħħa ta’ Malta u tal-Italja sabiex din tinġab Malta bil-katamaran.