Raġel qed jinżamm fil-lock-up tal-Pulizija fil-Kwartieri Ġenerali, wara li allegatament kien involut f'argument f'residenza li darab żewġ persuni fil-Qawra it-Tlieta filgħodu.
L-allegat argument seħħ għall-ħabta tas-6:30am fi Triq Andrew Cunningham.
Investigazzjoni preliminari rriżultat li seħħ argument bejn raġel mis-Serbja ta' 38, Malti ta' 31 sena, u Ingliża ta' 31 sena. Hawn, is-Serb allegatament hedded liż-żewġ persuni l-oħra b'sikkina.
Minħabba dan, ir-raġel ta' 31 sena sofra ġrieħi ħfief permezz tas-sikkina u ħarab mir-residenza, filwaqt li l-mara pruvat taħrab minn gallarija u waqgħet għoli ta' madwar sular. Huma ngħataw l-għajnuna minn tim mediku u ttieħdu l-Isptar Mater Dei b’ambulanza għall-kura meħtieġa.
Il-Pulizija arrestat lis-Serb u qed jinżamm fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija fil-Furjana.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.