“Li tfittex l-għajnuna biex tindirizza sfidi fis-saħħa mentali mhuwiex sinjal ta’ dgħufija,” saħqet mart il-Prim Ministru, Lydia Abela.
Waqt li kienet qed tindirizza Konferenza Internazzjonali fuq is-Saħħa Mentali f’Brussell, Abela tkellmet fuq il-progress li pajjiżna għamel fis-saħħa mentali, iżda saħqet li għandu jsir kollaborazzjoni kontinwu f’ dan il-qasam.
Preżenti għall-konferenza kien hemm dinjitari u esperti barranin fejn ingħataw pjattaforma sabiex jiddiskutu l-isfidi tas-saħħa mentali f’din il-ġrunata li tikkomemora s-saħħa mentali.
Abela fakkret kif diversi persuni qed ibatu fl-iskiet minħabba sfidi ta’ saħħa mentali, u enfasizzat li kolletivament trid tintrefa responsabbiltà sabiex jikber l-għarfien fuq dan il-qasam filwaqt li tingħata sapport kontinwu lil dawn il-persuni.
Waqt il-laqgħa, Abela faħħret l-istrateġija tas-saħħa mentali ta’ Malta, fejn iffukat fuq ir-reżiljenza u t-trasformazzjoni li raw dawn is-servizzi. Hija tkellmet ukoll fuq il-pajnijiet biex jinbena sptar psikjatriku ġdid, filwaqt li semmiet l-introduzzjoni ta’ iktar servizzi ta’ saħħa mentali fil-komunità.
“Aħna favur li huwa ‘normali li ma tħossokx normali’ u ħadd qatt m’għandu jimxi waħdu f’din it-triq,” qalet Abela.
Abela għafset fuq l-irwol kruċjali tal-Organizzazjonijiet Mhux Governattivi u qalet li l-Unjoni Ewropeja għandha ssaħħaħ is-sapport lejn dawn l-organizazzjonijiet.
Hija saħqet fuq il-ħtieġa li jinħolqu ambjenti inklużivi fis-soċjetajiet u l-postijiet tax-xogħol għall-individwi b’diżabilità.
Filwaqt indirizzat l-irwol tal-isports fis-saħħa mentali, Abela enfasizzat l-iSpecial Olympics Malta, organizzazzjoni li tmexxi u tagħti s-setgħa lill-individwi b’diżabilità permezz tal-isport.
“Fl-Olimpjadi Speċjali, aħna tassew nemmnu fil-kapaċitajiet straordinarji ta’ dawn l-individwi żgħażagħ, hekk kif ngħinuhom jiftħu l-potenzjal sħiħ tagħhom u jiksbu għoli notevoli li forsi qatt ma ħasbu qabel,” qalet Abela.
Temmet billi enfasizzat l-importanza li s-saħħa mentali tiġi diskussa fil-miftuħ u li tfittex l-għajnuna bħala sinjal ta’ saħħa.