Madwar €8000 f’multi mogħtija mill-ERA
L-ERA semmiet erba' inċidenti partikolari fejn il-ħatja ġew ordnati jħallsu multi minn €1,200 sa €4,000
More in Kronaka
L-ERA semmiet erba' inċidenti partikolari fejn il-ħatja ġew ordnati jħallsu multi minn €1,200 sa €4,000
L-Environment and Resource Authority (ERA) ħabbret li se jinħarġu kważi €8,000 f’multi waqt l-ewwel laqgħa tal-bord tal-2024.
Dan b’rabta ma’ erba’ inċidenti ta’ ksur tal-leġiżlazzjoni dwar l-iskart. L-ERA saħqet li dan sar grazzi għall-moniteraġġ u investigazzjonijiet kontinwi li juru impenn tal-ERA għas-sostenibbiltà ambjentali u r-rimi xieraq tal-iskart.
L-ERA kompliet tgħid kif permezz ta’ tal-monitoraġġ ta’ kameras imqiegħda strateġikament f’żoni ta’ hotspots, uffiċjali tal-ERA qabdu żewġ individwi jarmu friġġ u skart tal-kartun illegalment f’żona fil-Ħandaq, Ħal Qormi u konsegwentament imponiet multa ta’ €1,400.
Każ ieħor kien jinvolvi r-rimi ta' skart tal-kostruzzjoni; l-uffiċjali tal-ERA ġew provduti b’filmati minn membru tal-pubbliku fejn minn hemm segwew lill-ħati permezz tan-numru tar-reġistrazzjoni tal-vettura. Il-ħati kien mitlub ineħħi manwalment il-konkos frisk, taħt sorveljanza mill-uffiċjali tal-ERA u multa ta’ €4,000.
Żewġ każijiet ta' inċinerazzjoni illegali tal-iskart ġibdu wkoll l-attenzjoni tal-ERA. F’każ minnhom, skart maħruq fi skip tal-metall wassal għal multa ta’ €1,200, filwaqt li f’Ta’ Sannat, Għawdex, uffiċjali tal-ERA, irnexxielhom jidentifikaw lil min ħarab minn fuq il-post u mmultat lill-ħati €1,200 talli inċinera skart imħallat.
L-ERA tħeġġeġ lill-pubbliku biex jirrapporta r-rimi illegali tal-iskart lill-ERA permezz tat-telefon fuq 2292 3500 jew permezz tal-portal onlajn ERIS.