Imħabbar imvestiment ieħor ta’ €15-il miljun fi skemi għal xiri ta’ vetturi elettriċi (EVs) ġodda.
L-inizjattivi u grants imħabbra għall-2024 jinkludu: Grant għax-xiri ta’ Vetturi Elettriċi, €500 għal kull rota elettrika ġdida, €2,000 sa €6,000 għal kull mutur elettriku ġdid, triċiklu, jew kwadriċiklu, €11,000 għal kull karozza jew vann elettriku, skema ta’ skrappjar (€500 għal kull mutur) €1,000 għal kull karozza €30,000 għal kull minivan €50,000 għal kowċis li ilhom aktar minn 10 snin u grants finanzjarji addizzjonali ta’ €1,000 għall-iskrappjar ta’ vetturi qodma rreġistrati f’Għawdex.
Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi Chris Bonett qal li dawn l-iskemi għandhom l-għan li jinkoraġġixxu x-xiri minn individwi, għaqdiet volontarji, u intrapriżi ta’ vetturi elettriċi u muturi, inkluż roti. Il-Ministru kompla jgħid kif dawn l-inċentivi se jiffaċilitaw it-tranżizzjoni ta’ Malta u Għawdex għal trasport aktar nadif u sostenibbli, bħala parti minn pjan strateġiku ikbar li se jwassal għan-newtralità tal-karbonju.
Huwa spjega kif f’sentejn ġew irreġistrati madwar 4,000 vettura elettrika ġdida, u għalhekk dan wassal biex fit-toroq Maltin hawn madwar 15,000 vettura elettrika jew hybrid.
Minn naħa tiegħu l- Kap Eżekuttiv ta’ Transport Malta, Jonathan Borg, qal kif dan l-investiment minn fondi Ewropej se joffri inċentiv biex il-pubbliku jinvesti f’aktar f'vetturi elettriċi. Dawn se jassiguraw ambjent aħjar u sostenibbli f'pajjiżna.