L-avukati, kemm tal-Gvern kif ukoll tal-Oppożizzjoni, iddikjaraw li ma kellhom l-ebda oġġezzjoni li s-Surmast Imħallef Toni Abela jippresiedi l-każ imressaq mill-PN bil-għan li jirkupra l-miljuni li tħallsu lil Steward Healthcare fil-ftehim tal-isptarijiet.
Il-Prim Ministru Robert Abela u l-Ministru tal-Ġustizzja Jonathan Attard qagħdu spalla ma’ spalla fuq naħa waħda tal-awla, il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech u l-predeċessur tiegħu Adrian Delia fuq in-naħa l-oħra meta ssejjaħ il-każ il-Ħamis filgħodu.
Fil-bidu nett tas-seduta tal-lum, l-Imħallef – li kien ġie assenjat biex jisma’ l-kawża wara li s-Surmast Imħallef Giovanni Grixti rrikuża ruħu – iddikjara fil-miftuħ li qabel kien jokkupa kariga politika u kien jattendi laqgħat tal-kabinett bħala konsulent legali tal-Prim Ministru.
L-imħallef iddikjara solennement li hu qatt ma pparteċipa f’dibattiti tal-kabinett dwar il-bejgħ ta’ sptarijiet pubbliċi lil Vitals Global Healthcare jew kwistjonijiet relatati.
“Intom ilkoll tafu min jien, min kont u x’għamilt. Jien kont membru tal-kabinett. Qatt ma ġejt mistoqsi dwar dan, qatt ma vvutajt dwarha u sa fejn naf jien qatt ma ġejt avviċinat għal parir dwar din il-kwistjoni.”
L-Imħallef stieden lill-partijiet jgħidu jekk ridux li jkompli jisma’ l-każ.
L-Avukat Edward Debono, li jassisti lill-attur, iddikjara li l-klijent tiegħu ma kellu l-ebda oġġezzjoni li Abela jippresiedi l-kawża. L-Avukat tal-Istat Christopher Soler għamel eku mas-sentiment ta’ Debono.
Fuq it-talba tal-Kabinett biex jintervjeni fil-każ, l-avukat James D’Agostino, mill-Uffiċċju tal-Avukat tal-Istat, issuġġerixxa li l-qorti tibbaża ruħha fuq is-sottomissjonijiet li kienu diġà saru f’dan ir-rigward, quddiem il-qorti kif ippreseduta qabel.
Debono qal lill-Qorti li jippreferi li digriet dwar it-talba tal-Kabinett biex jintervjeni fil-każ jingħata fil-miftuħ.
L-Avukat Chris Cilia, li qed jassisti lill-Gvern flimkien mal-avukati Ian Borg u Maurizio Cordina, qal lill-Qorti li kien taħt l-impressjoni li l-Imħallef li kien għadu kif ġie assenjat, se jiddependi mis-sottomisjonijiet traskritti.
Il-Qorti, wara li semgħet dak li kellhom xi jgħidu l-avukati taż-żewġ partijiet dwar il-kwistjoni, ħabbret li se tkun qed toħroġ digriet dwar it-talba aktar tard illum u aġġornat is-seduta kif xieraq.
L-Avukat Edward Debono qed jassisti lil Grech u Delia, flimkien mal-avukat Nicholas Debono.
Għall-gvern deher l-Avukat tal-Istat Christopher Soler, flimkien mal-avukati James D’Agostino u Julian Farrugia.