Pass il-quddiem biex il-karta tad-diżabilità tal-UE issir realtà

Il-Kunsill u l-Parlament tal-UE jaqblu dwar il-proposta tal-Kummissjoni għar-rikonoxximent mal-UE kollha tal-Karta Ewropea tad-Diżabilità u l-Karta Ewropea tal-Parkeġġ, li hija maħsuba biex ittejjeb il-libertà tal-moviment għal miljuni ta’ ċittadini tal-UE

Persuni b’diżabilità dalwaqt se jkollhom aċċess għal spazji ta’ parkeġġ riżervati fis-27 stat membru tal-UE kollha, u jirċievu l-istess trattament preferenzjali meta jaċċessaw servizzi bħat-trasport pubbliku, mużewijiet u parks, madwar l-Unjoni Ewropea.

Dan il-ftehim isegwi ftehim li sar bejn il-Kunsill u l-MEPs fuq proposta mmexxija mill-Kummissarju tal-UE għall-Ugwaljanza, Helena Dalli.

L-Istati Membri issa se jkollhom sentejn biex jinkorporaw id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva fil-liġi nazzjonali qabel ma tidħol fis-seħħ fi żmien tliet snin.

Id-direttiva l-ġdida hija mistennija li tiftaħ il-potenzjal tal-libertà tal-moviment ta’ miljuni ta’ persuni b’diżabilità madwar il-kontinent. "Irrispettivament minn fejn wieħed ikun fl-UE, il-Karta Ewropea tad-Diżabilità tiżgura li individwu li għandu l-karta ta' pajjiżu pajjiż ieħor tal-UE, ikun intitolat għall-istess kundizzjonijiet speċjali u trattament preferenzjali fl-aċċess għas-servizzi," Dalli qalet lill-oħt dil-gazzetta, il-MaltaToday.

L-Ewroparlamentari Nazzjonalista David Casa kien in-negozjatur tal-PPE dwar il-Karta tad-Diżabilità tal-UE u l-Karta tal-Parkeġġ tal-UE. “Dan huwa pass importanti biex jiġi żgurat li dawk b’diżabilità jkunu jistgħu jgawdu l-libertà tal-moviment li hija ggarantita mil-liġi tal-UE,” qal Casa. “Ilkoll kemm aħna għandna d-dritt li nivvjaġġaw mingħajr xkiel, iżda fil-prattika, dawk li għandhom rekwiżiti speċjali ta’ aċċess isibu ostakli addizzjonali u appoġġ inadegwat li jiddiskrimina kontrihom. Din id-direttiva l-ġdida fl-aħħar se telimina dawk l-isfidi u ssaħħaħ l-inklużjoni.”

 

Id-direttiva fil-qosor

Il-karta tal-parkeġġ Ewropea armonizzata se telimina l-problemi li bħalissa qed jiffaċċjaw vjaġġaturi b'diżabilità lejn pajjiżi oħra tal-UE li l-Blue Badge tagħhom hija differenti fid-dehra tal-pajjiż li qed iżuru, li jistgħu jirriżultaw f'multi għall-parkeġġ.

Persuni b'diżabilità jistgħu jaċċessaw l-istess kundizzjonijiet speċjali, trattament preferenzjali, u drittijiet ta' parkeġġ meta jżuru stat membru ieħor. Karta Ewropea tad-Diżabilità standardizzata se tkun rikonoxxuta fl-UE kollha.

Bħalissa, persuni b'diżabilità xorta jistgħu jiġu mċaħħda mill-aċċess għall-kundizzjonijiet speċjali u t-trattament preferenzjali li jgawdu d-dar meta jżuru stati membri oħra. Il-Karta Ewropea tad-Diżabilità se sservi bħala prova rikonoxxuta ta' diżabilità fl-UE kollha.

Titjib fil-Karta Ewropea tal-Parkeġġ attwali se jippermetti lill-persuni b’diżabilità li jkollhom aċċess għall-istess drittijiet tal-parkeġġ fi kwalunkwe stat membru u se jinkludi karatteristiċi ta’ sigurtà mtejba biex jipprevjenu l-falsifikazzjoni u l-frodi.

B'mod kruċjali, id-direttiva l-ġdida se tagħti s-setgħa lill-persuni b'diżabilità u lir-rappreżentanti tagħhom biex jieħdu azzjoni legali taħt il-liġi nazzjonali meta d-drittijiet tagħhom stabbiliti mid-direttiva jiġu miksura.

More in Kronaka