Madwar 2,000 tunnellata ta’ skart jinġabar fl-inħawi ta’ Ħal Muxi F’Ħaż-Żebbuġ

Fl-ewwel ftit ġranet id-Diviżjoni ġabret madwar 2,000 tunnellata ta’ skart miż-żona fejn wara se jiġi sseparat għall-faċilitajiet li jilqgħu dan l-iskart

Mal-2,000 tunnelata ta' skart inġabar (Ritratt:Omar Camilleri)
Mal-2,000 tunnelata ta' skart inġabar (Ritratt:Omar Camilleri)

Id-Diviżjoni għat-Tindif u l-Manutenzjoni għaddej b’intervent fl-inħawi ta’ Ħal Muxi f’Ħaż Żebbuġ biex jitneħħa skart ta’ kostruzzjoni li nġema matul is-snin f’żona residenzjali li tmiss ma’ Triq Ambroġ Buttiġieġ.

Waqt konferenza tal-aħbarjiet ġie żvelat li fl-ewwel ftit jiem, id-Diviżjoni neħħiet madwar 2,000 tunnellata ta’ skart fiż-żona msemmija, fejn qiegħed jiġi separat sabiex jiġi dispost fil-faċilitajiet li jilqgħu dan it-tip ta’ skart. It-tindif kollu f’dan l-ispazju miftuħ huwa ppjanat li jitlesta fil-ġimgħat li ġejjin.

 Barra minn hekk id-Diviżjoni qalet li se tkompli għaddejja bit-tindif f’din iż-żona fejn huwa stmat li jitneħħa madwar 3,000 tunnellata oħra ta’ skart.

Matul is-sena li għaddiet id-Diviżjoni għat-Tindif u l-Manutenzjoni ġabret aktar minn 21,000 tunnellata ta’ skart mormi illegalment.

Il-Ministru Clayton Bartolo sostna li x-xogħol ta’ tindif ser ikompli bil-għan li l-indafa pubblika u l-manutenzjoni jkunu parit integrali mill-ħajja ta’ kuljum fost il-komunitajiet tagħna.

Minn naħa tiegħu s-Segretarju Parlamentari Glenn Bedingfield ħeġġeġ kunsilli lokali biex joffru iktar ideat u inizjattivi b’kollaborazzjoni mad-Diviżjoni għat-Tindif u l-Manutenzjoni.

Preżenti għall-konferenza kien hemm il-Ministru għall-Indafa Pubblika Clayton Bartolo u s-Segretarju Parlamentari għall-Indafa Pubblika Glenn Bedingfield, kif ukoll id-Direttur Ġenerali tad-Diviżjoni għat-Tindif u l-Manutenzjoni Ramon Deguara u s-Sindku ta’ Ħaż-Żebbuġ Mark Camilleri.

 

More in Kronaka