Firilla ta' 100 sena mistennija terġa' issalpa wara li sarilha r-restawr bħala parti minn proġett kulturali.
Il- proġett għandu l-għan li jippreserva l-arti u s-sengħa tal-bennejja tad-dgħajjes tradizzjonali billi jirrestawra dgħajjes tal-injam, fosthom din li qabel kienet skedata biex tiġi mormija.
Id-dgħajsa fiha 6m u l-aħħar sid kien sajjied minn Marsaxlokk magħruf bħala 'Kallalu'. Il-familja tiegħu ġentilment tat id-dgħajsa lil Marsaxlokk Heritage biex tirrestawraha. Din hija waħda mill-ftit Firllas li fadal fil-gżira. Huwa wieħed mill-ewwel tipi ta’ dgħajjes tas-sajd Maltin, u ġeneralment kien jintuża fil-portijiet u oriġinarjament kien ikollu qlugħ ‘Tarkija’.
L-istat tal-Firilla kien ħażin, iżda wara li ġiet mistħarrġa mill-esperti, Delcappo Brothers, id-dgħajsa reġgħet lura, u mistennija tiġi armata wkoll b’qlugħ ‘Tarkija’. Il-pubbliku se jkollu l-opportunità li jara kull stadju ta’ restawr, wara li mistenni jiġi ddokumentat. Mat-tlestija, il-Firilla ser tiġi rmiġġata fil-port ta’ Marsaxlokk, bil-qlugħ tradizzjonali tagħha li toffri dehra attraenti għal dawk kollha li jżuruhom.
Il-proġett sar b’kollaborazzjoni bejn Marsaxlokk Heritage, l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu u Heritage Malta intitolata “Restawr ta’ Qoxra tal-Bahar”.
Il-Ministru Owen Bonnici spjega li dan il-proġett iħares li jippreserva l-arti u s-sengħa tad-dgħajjes tradizzjonali billi jirrestawra dgħajsa tal-injam li kienet kompletament mitluqa. Huwa spjega li storikament l-iskop tad-dgħajsa kien li tittrasporta l-passiġġieri madwar il-portijiet, u aktar tard evolviet f’qoxra tas-sajd.
Min-naħa tiegħu l-Kap Eżekuttiv ta’ Heritage Malta Noel Zammit irringrazzja it- Taqsima tad-Diġitizzazzjoni fi ħdan Heritage Malta li se tkun ukoll qiegħda tiddokumenta l-proġett.
Intant, il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Carlo Micallef faħħar lid-Dipartiment tal-Iżvilupp tal-Prodott tal-MTA għar-rwol ċentrali tiegħu fil-preservazzjoni tal-identità u l-wirt Malti permezz ta’ diversi inizjattivi madwar Malta u Għawdex.
Finalment Ryan Abela, mill-NGO Marsaxlokk Heritage kellu kliem ta’ tifħir u saħaq fuq l-importanza ta’ proġetti bħal dawn li jkomplu jsebbħu l-portijiet Maltin, kemm għar-residenti, kif ukoll għat-turisti li jżuruna. Dan il-proġett huwa kollaborazzjoni pożittiva bejn tliet entitajiet minn setturi differenti li ngħaqdu f’daqqa għal għan komuni.”