Raġel miet wara nofsinhar wara li sab ruħu f’diffikulta fil-baħar.
Għall-ħabta tas-1:20pm il-Pulizija ġiet infurmata li kien hemm numru ta’ bugħaddasa li sabu ruħhom f’diffikultà waqt li kienu fil-baħar fl-inħawi magħrufa ta' Rożi, fiċ-Ċirkewwa.
Il-Pulizija flimkien ma’ membri mill-Forzi Armati ta’ Malta u mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili marru immedjatament fuq il-post fejn sabu grupp ta' 18-il bugħaddas f’diffikultà.
Erbgħa minnhom irnexxielhom jitilgħu l-art waħedhom filwaqt li għall-oħrajn, bdiet operazzjoni ta’ salvataġġ.
Fuq l-art bosta timijiet mediċi mill-Isptar Mater Dei bdew jassistu lill-persuni, fejn erbat irġiel ittieħdu l-Isptar Mater Dei għall-kura medika.
Wieħed minnhom sfortuntament ġie ċċertifikat mejjet ftit wara, filwaqt li l-kundizzjoni tal-oħrajn għadha pendenti.
Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Gabriella Vella li ħatret inkjesta maġisterjali, filwaqt li l-investigazzjoni tal-Pulizija għadhom għaddejjin.