Fi stqarrija, il-PN qed jisħaq li d-deċiżjoni li l-lingwa Maltija ma tkunx rekwiżita għall-ekwipaġġ tal-linja nazzjonali l-ġdida, KM Malta Airlines tiġi revokata minnufih.
"Il-Gvern għandu minnufih jirrevoka din id-deċizjoni u jżomm f’moħħu l-interess tal-passiġġier li, kemm jekk Malti kif ukoll jekk barrani, ġej iżurna. Dan filwaqt li jiftakar li l-linja nazzjonali tal-ajru għandha tħaddan il-lingwa nazzjonali u uffiċjali ta’ pajjiżna u mhux tagħmel l-oppost."
Dan b'rabta mal-artiklu ippublikat minn din il-gazzetta, li żvela li l-ekwipaġġ tal-kabina tal-linja nazzjonali m’għandux bżonn ikunu jafu jitkellmu bil-Malti. Persuni li qabel kienu japplikaw għal xogħol mal-Air Malta bħala membri tal-ekwipaġġ kienu jkunu mitluba profiċjenza fit-taħdit, fil-kitba u fl-abbiltà li jaqraw l-avviżi, kemm bl-Ingliż, kif ukoll bil-Malti.
Minn naħa tiegħu l-PN qal li d-deċiżjoni hi ta’ għajb għal pajjiżna minħabba li l-linja tal-ajru hi waħda nazzjonali u sservi mhux biss il-bżonnijiet tal-industrija tat-turiżmu lejn pajjiżna, iżda wkoll il-bżonnijiet tal-ivvjaġġar tal-Maltin u Għawdxin li jsiefru, kemm għal skopijiet ta’ btala lil hinn minn xtutna, iżda wkoll għal bżonnijiet ta’ xogħol u ta’ negozju, kif ukoll għal bżonnijiet mediċi u ta’ saħħa.
Il-PN saħaq li l-Gvern għandu jonora l-fatt li l-linja nazzjonali tal-ajru għandha tħaddan il-lingwa nazzjonali u uffiċjali ta’ pajjiżna u mhux tagħmel l-oppost.