AĠĠORNATA | Keith Gravina jmut wara ħames xhur l-isptar
Keith Gravina, li kien qed jiskonta sentenza ta’ erba’ snin u nofs, tilef ħajtu l-isptar, fejn kien qed jiġi rikoverat għal ġrieħi li kkawża fuqu stess f'Novembru • Il-PN jesprimi t-tħassib dwar is-sitwazzjoni
minn Marianna Calleja
L-artiklu ġie aġġornat bl-istqarrija tal-Partit Nazzjonalista fil-11:33am u f'12:25pm bil-kummenti tal-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi
Keith Gravina, li kien qed jiskonta sentenza ta’ erba’ snin u nofs, tilef ħajtu wara li fid-19 ta’ Novembru ġie rikoverat wara attentat ta’ suwiċidju.
Gravina kien instab ħati li sawwat mara waqt li kienet rieqda.
F’Novembru Gravina kien salva bl-eżatt, wara li persuna oħra mill-istess diviżjoni innotat bl-inċident.
Gravina, ta’ 42 sena, kien ingħata l-ewwel għajnuna, inkluz mill-mediċi sakemm ambulanza waslet fil-post u ħaditu Mater Dei.
Mal-wasla, il-kundizzjoni tiegħu kienet mal-ewwel iddikjarata bħala kritika.
Ftit wara, l-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi kienet għamlet rapport lill-Pulizija u nħatret inkjesta maġisterjali.
F’kummenti lil MaltaToday, kelliem għall-Faċilità Korrettiva ta' Kordin ikkonferma l-mewt ta’ Gravina iżda qal li għad trid issir awtopsja biex tiġi determinata l-kawża ta’ mewtu.
Il-kelliem spjega illi filmati tal-kamera, minn Novembru, juru li l-għajnuna ġiet mitluba fit-8:38pm, u mal-ewwel it-tim mediku mar jassistih.
“L-Aġenzija tas-Servizzi korrettivi tagħti prijorità lis-saħħa, inkluż is-saħħa mentali tal-ħabsin. L-inċidenti bħal dawn tnaqqsu drastikament matul is-snin li għaddew permezz ta’ diversi miżuri biex l-istaff ikun armat aħjar, inkluż b’taħriġ kontinwu tas-saħħa mantali,” temm jgħid il-kelliem.
Huwa kien għaddejj b’każ separat, akkużat bl-attakk fuq mara oħra. F’dan il-każ, huwa kien akkużat li żamm mara kontra r-rieda tagħha, u sawwatha b’ħadida, waqt li kien fil-pussess tal-kokaina.
Il-mara kienet ġiet salvata minn surġent li sema’ bl-għajjat minn kafetterija magħluqa fl-Imrieħel.
Tisforza l-bieb, il-pulizija kienet daħlet u sabet il-mara mimlija demm.
Il-Partit Nazzjonalista jesprimi t-tħassib dwar is-sitwazzjoni fil-ħabs
Wara li tħabbret il-mewta ta’ Gravina, il-Partit Nazzjonalista esprima tħassib dwar “is-sitwazzjoni preżenti” fil-ħabs ta’ Kordin.
“Din il-mewta tkompli fuq l-isfortuna ta’ sensiela ta’ priġunieri li għamlu attentati li jneħħu ħajjithom fil-ħabs, fejn sfortunatament numru minnhom irnexxielhom,” il-Kelliem għall-Intern Darren Carabott u l-Kelliem għas-Saħħa Mentali qalu fi stqarrija.
Il-Partit Nazzjonalista appella biex il-funzjoni tal-ħabs ma tkun dik biss ta’ prevenzjoni li persuni jinżammu maqfula fil-ħabs, iżda jkollha funzjoni retributtiva u fl-istess waqt tħares is-sigurtà tal-priġunieri li jkunu għaddejjin mill-programmi ta’ riforma biex ma jerġgħux jaqgħu għall-kriminalità.
“Kien x’kien ir-reat li għaliha qed jiskonta s-sentenza fil-ħabs, jew x’kienu l-allegazzjonijiet li għalihom qed jinżamm f’detenzjoni, il-ġustizzja ma ssirx billi persuna titħalla toqtol lilha nnifisha, iżda l-ġustizzja ssir billi persuna teżegwixxi s-sentenza tal-Qorti, tgħaddi minn programm retributtiv u riformatorju u tkun assigurata d-dinjità tal-persuna waqt li qed tinżamm il-ħabs,” huma żiedu jgħidu.
Il-Partit Nazzjonalista appella għal trasparenza sħiħa dwar il-każ biex ukoll l-gvern iserraħ l-imħuħ tal-familji tal-persuni li qed jinżammu fil-ħabs.
Fl-istess waqt, il-Partit Nazzjonalista esiġa li tkun assigurata l-kwalità tas-saħħa mentali tal-priġunieri u naraw li dawn jingħataw l-attenzjoni immedjata.
“Fl-aħħar mill-aħħar, ir-responsabbiltà ta’ kull persuna taqa’ fuq l-amministrazzjoni tal-ħabs, li suppost hi l-aktar binja b’sigurtà għolja f’pajjiżna, u xorta fiha għadhom jiġru każijiet bħal dawn,” temmew jgħidu.