Mill-ġdid Joanne Gardens li jinsab f’Ħal Tarxien ġie inawgurat wara investiment ta’ tisbiħ u manutenzjoni.
Il-proġett sar possibli grazzi għal investiment ta’ €190,000 minn fondi tal-Aġenzija LESA, mill-Fond tan-Norveġja u fondi tal-Kunsill Lokali ta’ Ħal Tarxien, flimkien ma’ xogħol imwettaq mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi.
Il-ġnien għadda minn proċess ta’ manutenzjoni wara li saru numru ta’ tibdil u tiswijiet, fosthom; fis-sistema tad-dawl, tal-gazebo tal-injam, taċ-ċnut, l-installazzjoni ta’ għamara magħmula għal barra u anke manutenzjoni għall-pjanti u siġar li hemm.
Dan ix-xogħol kien inawgurat mill-Ministru tal-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri u mill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħolijiet Pubbliċi Chris Bonett flimkien mas-Sindku tal-lokalità s-Sur Joseph Abela Galea u l-Kunsilliera.
F’diskors qasir il-Ministru Byron Camilleri qal dan se jservi ta’ pulmun aħdar ieħor għal bosta residenti tal-madwar. Huwa esprima -sodisfazzjon tiegħu għall-ħidma li saret biex twettaq proġett ieħor f’Ħal Tarxien li se jgawdu minnu r-residenti kollha filwaqt li rringrazzja lil kull min kien involut.
Il-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi Chris Bonett qal li dan il-proġett se joffri spazju ta’ serħan għal kull min iżuru, speċjalment issa li jinsab fi stat ħafna aħjar, b’aktar sigur wara x-xogħlijiet ta’ riġenerazzjoni, manutenzjoni u tisbiħ.
Preżenti waqt l-inawgurazzjoni tax-xogħlijiet kien hemm ukoll il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija LESA Svetlick Flores.