Iktar minn 600,000 passiġġier jgħaddu mill-ajruport f'Marzu

Għall-ewwel darba matul ix-xahar ta’ Marzu, il-moviment tal-passiġġiera fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta qabeż is-600,000 persuna, biex sal-aħħar tax-xahar, it-tim tal-ajruport laqa’ 633,826 passiġġier

Ritratt: Malta International Airport
Ritratt: Malta International Airport

Għall-ewwel darba matul ix-xahar ta’ Marzu, il-moviment tal-passiġġiera fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta qabeż is-600,000 persuna, biex sal-aħħar tax-xahar, it-tim tal-ajruport laqa’ 633,826 passiġġier.

Hekk kif Marzu rreġistra tkabbir ta’ 30.1% fuq l-istess xahar tal-2023, l-ajruport għalaq l-ewwel kwart tal-2024 b’total ta’ 1,573,712-il passiġġier.

Il-volum tal-passiġġiera żdied sostanzjalment lejn l-aħħar tax-xahar, b’27,250 passiġġier jgħaddu mill-ajruport nhar il-Ħamis 28 ta’ Marzu.

Fi stqarrija t-Tlieta waranofsinhar l-MIA qal li dawn ir-riżultati pożittivi nkisbu fl-istess perjodu li matulu l-ajruport esperjenza żieda ta’ 24.6% fil-postijiet disponibbli fuq it-titjiriet minn u lejn Malta, meta kkumparat mal-2023, u seat load factor b’saħħtu ta’ 87.2% (l-ogħla load factor li qatt ġie rreġistrat f’Marzu).

Il-moviment tal-ajruplani wkoll żdied b’20.5% fuq l-istess xahar tas-sena li għaddiet, b’total ta’ 4,031 titjira jaslu u jitilqu mill-ajruport matul ix-xahar ta’ Marzu.

L-aktar swieq importanti għall-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta f’Marzu baqgħu l-Italja, ir-Renju Unit u l-Ġermanja, li flimkien kienu responsabbli għal 50% tat-total tat-traffiku li għadda mill-ajruport.

Madanakollu, fost il-ħames l-aktar swieq importanti, il-Polonja rreġistrat l-aktar tkabbir b’saħħtu, meta ttraffiku minn u lejn din id-destinazzjoni żdied bi 80.6% fuq Marzu tal-2023.

Dan wassal biex il-Polonja tieħu post Franza bħala r-raba’ l-aktar suq importanti għall-ajruport.

Wara li serviet bħala l-linja nazzjonali tal-ajru għal dawn l-aħħar 50 sena, l-aħħar titjira tal-Air Malta niżlet fl-ajruport fis-sigħat bikrin tal-Ħadd 31 ta’ Marzu, biex fl-istess ġurnata, KM Malta Airlines inawgurat l-operat permezz tal-ewwel titjira tagħha.

MIA rringrazzja lill-Air Malta għall-kollaborazzjoni li permezz tagħha dejjem ħadmet mal-ajruport, u għas-servizzi li offriet lill-passiġġiera fl-aħħar nofs seklu.

Fl-istess stqarrija, l-MIA laqa’ lill-kumpanija KM Malta Airlines u awguralha wkoll lill-Universal Air li bdiet topera mill-ajruport fl-aħħar jiem ta’ Marzu.

More in Kronaka