Tnieda sit ġdid għall-Aġenziji tax-xogħol biex jirreġistraw l-operat u japplikaw għall-liċenzja online.
Is-sit se jkun qed jgħin ukoll lid-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impjiegi (DIER) fl-amministrazzjoni tal-liġijiet, li tħabbru f’Novembru tal-2023 u li issa daħlu fis-seħħ.
Is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali Andy Ellul ħabbar dan waqt li kien qed jindirizza laqgħa ta’ informazzjoni għall-operaturi tal-aġenziji tax-xogħol. Huwa qal li l-proċess tar-reġistrazzjoni għat-temping agencies issa se jkun aktar effiċjenti u konvenjenti.
Waqt id-diskors tiegħu, is-Segretarju Parlamentari Ellul żvela li s’issa 42 aġenzija tax-xogħol applikaw għall-ħruġ ta’ liċenzja biex ikunu konformi mal-liġijiet filwaqt li fakkar lil dawk l-aġenziji li għadhom ma applikawx biex japplikaw online permezz tas-sit elettroniku.
“Sibna rieda tajba mill-operaturi għaliex irrikonoxxew l-importanza ta’ din il-liġi, mhux biss biex nissalvagwardjaw id-drittijiet tal-ħaddiema iżda wkoll għall-professjonalità u s-suċċessi tal-operaturi,” kompla jgħid is-Segretarju Parlamentari Ellul.
Preżenti għall-laqgħa ta’ informazzjoni kien hemm id-Direttur Ġenerali tad-DIER, Diane Vella Muscat fost oħrajn.
Wieħed jista’ jaċċessa s-sit il-ġdid fuq: https://employmentagencies.gov.mt/#/en/home.