Dan l-artiklu kien aġġornat bl-istqarrija tal-Partit Nazzjonalista fis-1:29pm
Il-Ministeru għall-Ġustizzja u Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni ħabbar ir-riżenja ta' Jesmond Muscat mill-kariga tiegħu ta’ Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA).
Permezz ta' stqarrija, il-Ministru responsabbli Jonathan Attard ġie infurmat bid-deċiżjoni ta' Muscat miċ-Chairman tal-Bord tal-BCA.
Filwaqt li esprima gratitudni għall-kontribuzzjonijiet ta' Muscat, inklużi sforzi biex tissaħħaħ il-konformità regolatorja, tiġi modernizzata l-infrastruttura, u jiġu implimentati riformi fis-settur kollu, il-Ministru Attard aċċetta r-riżenja tiegħu.
Il-ħatra ta’ Kap Eżekuttiv ġdid hija mistennija li tkompli tissaħħaħ l-Awtorità u tmexxi r-riformi li għaddejjin fis-settur tal-kostruzzjoni sostna l-Ministeru.
Ir-riżenja tiġi wara mewt riċenti fuq il-post tax-xogħol fejn ħaddiem tal-kostruzzjoni, Albaniż ta’ 51 sena miet wara li waqa’ saqaf fuq rasu ġewwa dar f’Tas-Sliema, bit-tieni ħaddiem jinsab l-isptar għall-kura.
PN: 'Riżenja oħra li tikkonferma l-inkompetenza tal-Gvern fis-settur tal-kostruzzjoni'
F'reazzjoni għal dan, il-Partit Nazzjonalista akkuża lill-Ministri li qed jibqgħu jaħarbu r-responsabbiltà u jwaħħlu kollox fin-nies li jkunu appuntaw huma stess.
"Min hu responsabbli politikament għat-traġedji li qed jiġru bla ma jagħmel xejn biex isiru r-riformi ma jistax ikun hu stess li jwettaq ir-riformi fis-settur tal-kostruzzjoni," il-kelliem għall-Ippjanar u l-Artijiet Stanley Zammit qal.
Huwa kompla jgħid li l-Partit Nazzjonalista se jerġa' jinsisti, bħalma diġà għamel f'mozzjoni li ressaq fil-Parlament, li l-Gvern għandu jippreżenta rapport kull xahar lill-Parlament dwar l-implimentazzjoni tar-rapport tal-Inkjesta Pubblika biex bħala pajjiż nassiguraw li qed isiru r-riformi li hemm bżonn.