Il-Ministeru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-settur tal-Kostruzzjoni ħabbar li l-Assoċjazzjoni Bennejja u Kuntratturi se tkun parti mill-Kunsill Konsultattiv dwar il-Bini u l-Kostruzzjoni bil-għan li joffru l-fehma tagħhom rigward il-bidliet li qed isiru fis-settur tal-kostruzzjoni.
Il-Ministru responsabbli Jonathan Attard kien preżenti għall-inawgurazzjoni u qal li jinsab persważ li hemm interlokutur b’saħħtu li għandu kontribut kbir fit-twettiq tal-proċess riformattiv li għaddej minnu s-settur. Il-Ministru Attard faħħar il-membri wara li irnexxielhom jirreġistraw il-membri fi żmien sitt xhur u alli rnexxielhom jirreġistraw aktar minn 200 membru fil-jum tal-formazzjoni tagħhom..
L-assoċjazzjoni mistennija ssaħħaħ il-kollaborazzjoni bejn il-bennejja, il-kuntratturi u l-periti liċenzjati biex ikomplu jgħollu ‘l-istandards’ fis-settur.
Il-President tal-assoċjazzjoni Michael Cutajar kellu kliem ta’ tifħir għall-kollettiv tal-kumitat fl-isfond tal- aħbar li l-Kumitat tal-Kunsill Konsultattiv dwar il-Bini u l-Kostruzzjoni laqa’ r-rakkomandazzjoni li se toffri l-possibbiltà ta’ parteċipazzjoni aktar b’saħħitha fir-riformi u t-tibdil li jeħtieġ li jsir fis-settur. Huwa tenna d-diskors tal-Minsitru Attard rigward il-ħtieġa ta’ ristrutturar u aktar infurzar u qal li fejn hemm bżonn, se jittieħdu miżuri drastiċi bħalma huma sospensjonijiet, sakemm persuni inkwistjoni jirregolaw rwieħhom biex verament ikunu jistgħu jogħlew l-istandards.
Fl-aħħar taċ-ċerimonja l-membri ġew preżentati ċertifikat ta’ sħubija fl-assoċjazzjoni.