Proġett igawdi minn fondi tal-LESA fil-Fgura

Niċċa ta’ aktar minn 152 sena u waymarker ta’ żmien is-servizzi Ingliżi ġew restawrati. Il-proċess ta’ restawr kien jinkludi ċ-ċaqliq ta’ ftit metri tal-waymarker u tqiegħded ta' bażi ġdida apposta 

In-niċċa u waymarker li ġew irrestawrati (Ritratt: MHSE)
In-niċċa u waymarker li ġew irrestawrati (Ritratt: MHSE)

Niċċa ta’ aktar minn 152 sena u waymarker ta’ żmien is-servizzi Ingliżi ġew restawrati fi proġett li l-Kunsill Lokali tal-Fgura wettaq permezz ta’ fondi mogħtija mil-aġenzija LESA.

In-niċċa tinsab fi Triq il-Karmnu u hija waħda mill-eqdem toroq tal-Fgura, li fl-imgħoddi kienet tintuża biex minn Ħaż-Żabbar wieħed imur Bulebel mingħajr ma jgħaddi minn Raħal Ġdid. Barra minn hekk il-waymarker ta’ żmien l-Ingliżi, li jinsab fl-istess triq, huwa uniku għall-Fgura u kien fost il-bosta li s-servizzi Ingliżi kienu għamlu fl-inħawi bħala linja ta’ demarkazzjoni bejn r-raba tal-bdiewa Maltin u l-inħawi li kienu taħt it-tmexxija tas-servizzi Ingliżi.

Il-proċess ta’ restawr kien jinkludi ċ-ċaqliq ta’ ftit metri tal-waymarker bil-għan li jkun f’post iktar sigur u tqiegħded bażi ġdida apposta sabiex ma ssirlux aktar ħsara minn vetturi u inġenji kbar li ġieli kienu jħakku miegħu.

(Ritratt:MHSE)
(Ritratt:MHSE)

Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri kellu kliem ta’ tifħir għal ħidma tal-Kunsill Lokali tal-Fgura li għamlu użu minn dawn il-fondi sabiex isaħħaħ il-wirt storiku. Huwa fakkar kif dawn il-fondi jiġu mogħtija lil LESA mit-taħkiriet u tużhom għal proġetti fil-qalba tal-komunitajiet Maltin u Għawdxin.

(Ritratt:MHSE)
(Ritratt:MHSE)

“F’dan il-każ il-komunità tal-Fgura ser tgawdi b’mod dirett kull darba li tgħaddi minn quddiem dawn il-postijiet u ser tibqa’ tgawdihom għaż-żmien li ġej,” qal il-Ministru Camilleri.

(Ritratt:MHSE)
(Ritratt:MHSE)

Preżenti għaċ-ċerimonja kien hemm ukoll is-Sindku tal-Fgura, Pierre Dalli u diversi membri tal-Kunsill Lokali.

More in Kronaka