Enemalta qed taħdem b’mod intens biex treġġa’ lura l-provvista tal-elettriku f’Għawdex wara li żviluppa nar fuq wieħed mill-cables li jissuplixxi l-elettriku lill-gżira.
L-inċident seħħ it-Tlieta filgħaxija meta wieħed mill-cables prinċipali ħa n-nar, u dan ikkawża interruzzjoni fil-provvista tal-elettriku lejn Għawdex. Barra minn hekk, in-nar affettwa cable ieħor fil-viċin li kien qiegħed jintuża wkoll biex jissuplixxi l-konsumaturi Għawdxin.
Tispjega dan kollu fuq il-midja soċjali, Enemalta qalet li fuq il-post issejħu membri tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili (CPD) biex jikkontrollaw is-sitwazzjoni u jiżguraw is-sigurtà. Bħala miżura ta’ prekawzjoni, Enemalta kienet kostretta titfi l-cables li jinsabu ġewwa l-culvert biex tipprevjeni aktar ħsarat u tassigura s-sigurtà tal-ħaddiema.
L-aġenżija spjegat li timijiet ta’ inġiniera u tekniċi tagħha immedjatament bdew jaħdmu biex jirrestawraw il-provvista tal-elettriku u bil-mod, il-provvista bdiet tirritorna lura għan-normal għal diversi persuni.
Enemalta esprimiet ir-ringrazzjament tagħha lejn il-ħaddiema tal-CPD kif ukoll lejn l-inġiniera u t-tekniċi tagħha għall-ħidma u l-effiċjenza li wrew waqt din l-emergenza.
Avżat ukoll illi għal aktar informazzjoni u aġġornamenti, il-pubbliku jista’ jżur is-sit elettroniku tal-Enemalta fuq www.enemalta.com.mt.