Raġel miet wara inċident tat-traffiku head-on fi Triq l-Imdina, Ħaż-Żebbuġ.
Il-Pulizija qalet li l-inċident seħħ għall-ħabta tal-10am, hekk kif il-vittma weħel fil-kabina tal-vettura tiegħu wara ħabta ma’ trakk akbar.
Il-vittma ġie identifikat bħala raġel Indjan ta’ 40 sena li kien joqgħod il-Ħamrun, hekk kif it-trakk l-ieħor kien qed jinstaq minn raġel ta’ 61 sena residenti Ħal Tarxien.
Is-sit ingħalaq malajr għat-traffiku, hekk kif waslu ħaddiema tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili biex jassistu lill-vittma. Tim mediku ta lir-raġel CPR fuq il-post, fil-preżenza wkoll ta’ uffiċjali ta’ Transport Malta.
Iż-żewġ korsiji baqgħu magħluqa għalissa.
Il-Maġistrat Joe Mifsud nieda inkjesta dwar l-inċident. L-investigazzjonijiet tal-pulizija għadhom għaddejjin.
Dan l-inċident tat-traffiku jseħħ wara li seħħew disa’ ħabtiet fuq il-bypass tal-Marsa-Ħamrun, sors ta’ traffiku fit-tul it-Tnejn filgħodu.