It-talba għall-ħelsien mill-arrest ta’ raġel minn San Pawl il-Baħar ġiet miċħuda wara li l-Qorti semgħet l-akkużi serji kontrih.
Ir-raġel, negozjant ta’ 33 sena li jbati mill-epilessija, huwa mixli li ħebb għal ommu. Skont il-prosekuzzjoni, ir-raġel u ommu kellhom argument li eskala tant li r-raġel spiċċa jsawwat lil ommu b’ħadida, jorbotha, jagħlqilha ħalqha bit-tape, u jitfagħha f’banju ilma kiesaħ għal xi 14-il siegħa.
L-identità tar-raġel ma tistax tixxandar kemm minħabba l-kundizzjoni tiegħu u anke biex tiġi protetta l-identità t’ommu.
Ir-raġel wieġeb li mhuwiex ħati, filwaqt li d-difiża għamlet referenza għall-kundizzjoni tiegħu. B’hekk id-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest tar-raġel.
Il-prosekuzzjoni oġġezzjonat kontra t-talba għal bosta raġunijiet, bir-raġuni ewlenija li l-akkużat u ommu joqogħdu fl-istess binja.
It-talba ma ntlaqgħetx mill-Maġistrat Abigail Critien u fil-fatt ħarġet ordni ta’ protezzjoni favur il-vittma.
L-Avukat Giuliana Magro Conti mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u l-Ispettur Christian Cauchi qed imexxu l-prosekuzzjoni.