Fl-investigazzjoni tiegħu, il-Kummissarju għall-Ambjent u l-Ippjanar fl-uffiċċju tal-Ombudsman, il-Perit Alan Saliba, ma sab l-ebda forma ta’ ħsara fil-Kripta Bartolott fil-Konkatridral ta’ San Ġwann.
“L-ilment li jallega ħsarat fil-Kripta Bartolott u kontribuzzjonijiet għall-istess [ħsarat] mis-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali instabu li ma seħħew qatt,” jikkonkludi r-rapport tal-Ombudsman.
L-investigazzjoni saret wara li l-ADPD talbu lill-Uffiċċju tal-Ombudsman biex jinvestiga numru ta’ allegazzjonijiet li għamlu The Shift News f’artiklu bl-isem “New floor caves in as St John’s Co-Cathedral project in collapse”.
L-artiklu jallega li kien hemm ħsarat kbar fil-kripta wara li sfronda sular ġdid; li kemm is-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali u l-Awtorità tal-Ippjanar ikkontribwixxu għall-ħsara minħabba nuqqas ta’ regulazzjoni u sorveljanza adegwati; li l-istruttura tal-art mgħollija hija tqila wisq għall-kripta; u li dis-sitwazzjoni għadha mhix riżolta.
Flimkien ma’ dawn l-allegazzjonijiet, kien hemm żewġ ritratti, l-ewwel wieħed juri numru ta’ ċangaturi qed iserrħu mal-qafas tal-istruttura tal-art mgħollija u l-ieħor juri numru ta’ ċangaturi mxaqqin.
L-investigazzjoni ta’ Saliba ffukat fuq l-allegat maniġġjar ħażin tas-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali u b’hekk mar jispezzjona s-sit tal-ħsarat allegati.
Mill-investigazzjoni ħarġet li la r-ritratti tal-artiklu u la l-ispezzjoni tas-sit ma juru li sfronda xi sular ġdid, li kien hemm xi ħsarat, u li hemm bżonn xi tiswijiet tas-sit. Barra minn hekk, ix-xogħlijiet saru b’tali mod biex ma ssir l-ebda tip ta’ ħsara.
Iċ-ċangaturi li dehru maqlugħin kienu parti mid-dikjarazzjoni tal-metodu tax-xogħlijiet approvat. Apparti minn hekk, l-Ombudsman stqarr li s-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali qed tissorvelja adegwatament ix-xogħlijiet li qed isiru u kollox huwa konformi mal-kundizzjonijiet tal-permess.