KM Malta Airlines tniedi rotta diretta ġdida bejn Malta u Istanbul

Din iż-żieda ġdida tkompli tkabbar in-netwerk ta’ KM Malta Airlines, li bħalissa diġà jinkludi rotot lejn bliet Ewropej ewlenin bħal Amsterdam, Berlin, Brussell, Londra, Madrid, Milan, Pariġi u Zurich

KM Malta Airlines ħabbret rotta diretta ġdida li se tgħaqqad l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta mal-Ajruport iGA f’Istanbul, bil-bidu tas-servizz skedat għat-2 ta’ Ġunju 2025.

Matul is-sajf, il-linja tal-ajru se topera din ir-rotta erba’ darbiet fil-ġimgħa, it-Tnejn, it-Tlieta, l-Erbgħa u l-Ħamis, filwaqt li fix-xitwa s-servizz se jsir tliet darbiet fil-ġimgħa, jiġifieri t-Tnejn, it-Tlieta u l-Ħamis.

Il-vjaġġi se jsiru bl-ajruplani Airbus A320neo ta’ KM Malta Airlines, li joffru kemm il-kabina tal-Business Class kif ukoll dik tal-Economy, b’kapaċità totali ta’ 180 passiġġier għal kull titjira. Dan ifisser li kull ġimgħa se jkun hemm total ta’ 1,440 siġġu għal titjiriet ta’ ritorn bejn iż-żewġ pajjiżi.

Barra minn hekk, din ir-rotta se tkun parti minn ftehim ta’ code-share ma’ Turkish Airlines, li jippermetti lill-passiġġieri jaqilbu b’mod faċli għal destinazzjonijiet oħra kemm domestiċi kif ukoll internazzjonali lil hinn minn Istanbul.

Id-Direttur Eżekuttiv ta’ KM Malta Airlines, David Curmi, iddeskriva din ir-rotta bħala żvilupp importanti għall-pajjiż.

“Din l-espansjoni eċċitanti tkompli ssaħħaħ l-impenn ta’ KM Malta Airlines biex toffri aktar opportunitajiet ta’ vjaġġar lill-passiġġieri tagħna. Peress li Istanbul huwa hub globali ewlieni, din ir-rotta se tiftaħ bibien għal aktar destinazzjonijiet filwaqt li ssaħħaħ ir-rabtiet kummerċjali u tat-turiżmu bejn Malta u t-Turkija.”

Server Aydin, Uffiċjal Kap Kummerċjali (CCO) tal-Ajruport iGA f’Istanbul, laqa’ b’sodisfazzjon din is-sħubija l-ġdida.

“Nistennew li din il-kollaborazzjoni tkun ta’ suċċess u ta’ benefiċċju reċiproku, u li tikkontribwixxi b’mod pożittiv għall-industrija tal-avjazzjoni.”

Din iż-żieda ġdida tkompli tkabbar in-netwerk ta’ KM Malta Airlines, li bħalissa diġà jinkludi rotot lejn bliet Ewropej ewlenin bħal Amsterdam, Berlin, Brussell, Londra, Madrid, Milan, Pariġi u Zurich.

More in Kronaka